Lokali

Il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data jinsisti li l-Gvern m’għandux għalfejn jippubblika l-kuntratti li ffirma dwar l-enerġija

F’dik li qed titqies bħala deċiżjoni stramba, l-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data rrifjuta talba ta’ The Times biex il-Gvern jippubblika l-kuntratti kollha li ffirma f’isem il-poplu Malti u Għawdxi b’rabta mal-enerġija. Fid-deċiżjoni tiegħu, l-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data qal li informazzjoni li hi fl-interess pubbliku mhux bilfors għandha tiġi ppubblikata, u dan fid-dawl li qed jappoġġja lill-Gvern biex ma jippubblikax seba’ kuntratti. It-talba minn The Times saret permezz tal-faċilità li tippermetti l-Freedom of Information Act.

Wara li l-Gvern baqa’ ma ppubblikax dawn il-kuntratti, The Times għamlet talba formali lill-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data, liema talba, iżda, ma ntlaqgħetx.

Esperti legali li tkellmu mal-gazzetta esprimew dubji dwar ir-risposta tal-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data u qalu li t-tweġiba hija biss forma ta’ doublespeak.

Dwar dan tkellem ukoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil li qal li l-fatt li l-Gvern qed iwebbes rasu u ma jippubblikax dawn il-kuntratti qed jimminaw l-interess nazzjonali. Simon Busuttil qal li dawn il-kuntratti għandhom jiġu ppubblikati aktar u aktar meta jiftakar li dawk li nnegozjawhom inqabdu li fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama biex fihom ipoġġu s-senserija. Dwar dan il-fatt biss, għandha ssir investigazzjoni mill-Pulizija, qal Simon Busuttil.

Fil-jiem li għaddew, il-Gvern irrifjuta li jippubblika d-dettalji tal-garanzija bankarja ta’ €360 miljun li l-Gvern ta lill-konsorzju li qed jibni l-Power Station tal-gass għaliex qal li jekk jippublika dawn id-dettalji, f’Malta jkun hawn taqlib ekonomiku.