Lokali Transport Turiżmu Unjoni Ewropea

Il-Kummissjoni Ewropea tagħżel l-ajruport ta’ Malta għal proġett pilota

Il-Kummissjoni Ewropea għażlet l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta sabiex jipparteċipa fi proġett pilota għall-iskrinjar ta’ likwidi, aerosols u ġels.

Fi stqarrija l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ħabbar li l-passiġġieri li se jsiefru f’Mejju u Ġunju, li f’ċirkostanzi partikolari, jistgħu jkunu qed iġorru aktar minn 100ml ta’ LAGs, jiġu suġġetti għal aktar skrinjar. L-eżerċizzji se jsiru għal għarrieda u għaldaqstant il-passiġġieri xorta għandhom isegwu l-proċeduri normali ta’ sigurtà f’kull ħin.

Ajruporti oħra li ser ikunu qegħdin jieħdu sehem huma l-ajruport Schiphol ta’ Amsterdam, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Budapest, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Alicante u l-Ajruport Internazzjonali ta’ Dublin.

Ir-riżultati mbagħad jiġu analizzati mill-Kummissjoni Ewropea, bil-għan li jiġu implimentati linji gwida ġodda.