Lokali

Il-kumpanija tal-‘gaming’ Betuniq tista’ tibda topera mill-ġdid wara approvazzjoni mill-Qorti fl-Italja

Il-kumpanija tal-gaming Betuniq ingħatat il-permess mill-awtoritajiet fl-Italja biex mill-ġdid tibda topera.

Dan wara li madwar sena ilu, il-Pulizija fl-Italja ssekwestraw is-soċjeta’ Betuniq, li hi reġistrata f’Malta, u arrestaw lil 41 persuna fosthom Mario Gennaro, li waqqaf din il-kumpanija, minħabba l-allegat rabtiet mal-mafja. Is-sekwestru kien jammonta għal kważi €2 biljun.

B’rabta ma’ dan il-każ, f’pajjiżna wkoll kienu ġew sekwestrati azjendi li jaqgħu taħt il-kumpanija Betuniq, jiġifieri Uniq Group Limited u Uniq Shopping Limited fil-Gżira, kif ukoll Tebaral Holding Ltd u Tebaral Trading LTD fil-Belt Valletta u Betsolution4u Ltd u Fast Run Limited f’San Ġwann.

Iżda minn dakinhar Mario Gennaro, li għadu miżmum arrestat f’daru, ikkopera bis-sħiħ mal-awtoritajiet Taljanui u saħansitra kixef l-illegalitajiet li kienu qed isiru. Fid-dawl ta’ dan il-qrati fl-Italja aċċettaw it-talba li l-kumpanija tibda tilqa’ mill-ġdid imħatri onlajn, iżda ordnat li l-kumpanija taħdem fil-qafas tal-liġi Taljana, u allura ma tistax taħdem iżjed minn pajjiżi barranin, inkluż Malta.

Gennaro, kien membru tal-grupp mafjuż Tegano u akkużat li ħadem għall-grupp tal-mafja ‘ndrangheta u mexxa’ sistema’ ta’ logħob illegali online bi skop ta’ evażjoni tat-taxxa u riċiklaġġ tal-flus akkwistati minn operazzjonijiet illegali.

Il-kumpanija Betuniq, li topera f’numru ta’ pajjiżi, kienet tuża servers barranin li ġew ikkreati apposta biex jevadu l-liġi Taljana.

Jirriżulta li l-‘ndrangheta kienet qed tuża lil Malta, kif ukoll il-gżejjer Antilles, il-Panama u r-Rumanija biex twettaq ħasil ta’ flus. Filfatt il-kumpanija kienet qed tikber b’rata mgħaġġla ħafna, tant li nfetħu mal-500 sit tal-kumpanija mal-Italja kollha u dan jidher li hu frott tal-fondi ta’ ‘ndrangheta minn operazzjonijiet illegali oħra.

Jirriżulta wkoll li l-Pulizija segwew ukoll lil Gennaro minħabba l-vjaġġi spissi tiegħu lejn Malta biex jieħu sehem f’turnej tal-poker flimkien ma’ personaġġi magħrufa sew fix-xena tal-betting sportiv u persuni regolari fil-każino’ lokali.

Is-sekwestru ta’ dawn il-kumpaniji kien wassal għal dewien fil-ħruġ tal-pagi tal-impjegati, Maltin u Taljani, li f’Awwissu ta’ sena ilu kienu nġabru iquddiem l-Uffiċċji tal-Awtorità Maltija tal-Logħob biex jilmentaw li s-sekwestru wassal għall-iffriżar fuq il-ħruġ tal-pagi.

Jirriżulta li l-impjegati għadhom qed jistennew il-flus dovuti lilhom, skont Gennaro għaliex il-kontijiet kurrenti tal-kumpanija għadhom imblukkati mill-Malta Gaming Authority.

F’ittra lill-ħaddiema, Gennaro avżahhom li l-flus jeħduhom lura ladarba jintemm il-proċess relatat mar-revoka tal-liċenzja biex il-kumpanija tkun tista’ topera. Fi kliem Gennaro, forsi dan iseħħ fi żmien sena.