Għawdex Lokali

Il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni tal-Għaqdiet Mhux Governattivi Għawdxin tiċħad l-allegazzjonijiet tal-ġurnal It-Torċa

Fi stqarrija l-Kunsill tal-Assoċjazzjoni tal-Għaqdiet Mhux Governattivi Għawdxin ċaħad bl-aktar mod qawwi l-allegazzjonijiet li saru, fil-konfront tiegħu f’artiklu ppubblikat fil-ġurnal It-Torċa. L-allegazzjonijiet ġew ippubblikati f’artiklu bit-titlu ‘ “Stilla” tal-PN f’taħwida dwar “fondi tal-UE” ’ tal-ħarġa tal-ġurnal it-‘Torca’ ta’ nhar il-Ħadd, 24 ta’ Jannar 2016.

Il-Kunsill spjega li huwa kien bgħat stqarrija lill-editur tat-Torċa iżda s’issa din l-istqarrija kienet għadha ma’ ġietx ippubblikata fl-istess ġurnal. Il-Kunsill spjega li f’din l-istqarrija kien saħaq li kuntrarjament għal dak li hemm allegat fl-artiklu l-Assoċjazzjoni ma tqassam l-ebda forma ta’ fondi lill-għaqdiet li huma affijlati magħha. Kull ma tagħmel l-Assoċjazzjoni hu li bħall-entitajiet oħra mhux Governattivi tapplika għall-għajnuna taħt id-diversi skemi li minn żmien għal żmien diversi istittuzjonijiet joffru lill-għaqdiet mhux Governattivi. Il fondi li l-Assoċjazzjoni tirċievi mingħand l-entità li tkun nediet l-iskema jiġu użati biex jkun jista’ jiġi implimentat il-proġett.

Sadanittant, spjegat l-istqarrija, kull rapport finanzjarju konness ma’ xi proġett partikolari, kif ukoll ir-rapport finanzjarju annwali tal-istess Assoċjazzjoni jiġu awditjati minn awditur indipendenti. Wara dawn l-istess rapporti awditjati jiġu ippreżentati, diskussi u approvati waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Assoċjazzjoni. Kif eżattament ġara nhar il-Ġimgħa, 15 ta’ Jannar 2016, waqt il-Lagħha Ġenerali Annwali tal-Assoċjazzjoni tal-Għaqdiet mhux Governattivi Għawdxin, fejn ir-rapporti finanzjarji u amministrattivi kollha ġew approvati b’mod unanimu.

L-istqarrija ttemm billi tgħid li l-Kunsill li ġie elett b’mod unanimu, waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Assoċjazzjoni li saret nhar il-Ġimgħa, 15 ta’ Jannar huwa kunsill elett għal tliet snin skont l-istatut eżistenti tal-Assoċjazzoni u mhux wieħed cartaker, kif b’mod żbaljat ġie rilevat fl-imsemmi artiklu. Liema laqgħa seħħet f’atmosfera ta’ diskussjoni ħajja u kostruttiva li bħala konklużjoni tagħha ġie unanimament approvat li f’dan l-istadju l-Kunsill jkun iffurmat minn tlettax il-persuna.