Lokali Unjoni Ewropea

AĠĠORNATA : Il-Kunsill tal-Ministri Ewropej jinjora l-vot fil-PE u japprova n-nomina ta’ Leo Brincat mingħajr diskussjoni jew vot

Il-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea injora vot tal-Parlament Ewropew u approva n-nomina ta’ Leo Brincat għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri. L-approvazzjoni waslet mingħajr ma saret diskussjoni jew ittieħed vot. In-nomina ta’ Brincat ilha f’kontroversja sa mill-ewwel test li kellu jgħaddi minnu.

Dan hekk kif Leo Brincat għadda mill-grilling tal-Kumitat Parlamentari grazzi għall-vot tal-MEP Laburista Alfred Sant, li oriġinarjament lanqas biss kien membru tal-Kumitat. Dakinhar, il-Kumitat Parlamentari kien innota n-nuqqas ta’ pożizzjoni soda min-naħa ta’ Leo Brincat fil-vot ta’ sfiduċja li nżamm fil-Parlament Malti fil-konfront tal-Ministru Konrad Mizzi.

Id-dell tal-vot ta’ Brincat fil-Parlament Malti favur il-Ministru tal-Enerġija kompla jtaqqal in-nomina meta l-Parlament Ewropew ma approvalux in-nomina għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri. F’dan il-każ, il-vot ma kienx għadda b’qawwa meta 381 MEP ivvutaw kontra.

Fl-aħħar livell, kien imiss lill-Kunsill tal-Ministri Ewropej biex jara japprovax jew le din in-nomina. Il-vot fil-Parlament Ewropew tefa’ pressjoni fuq il-Kunsill tal-Ministri, fost oħrajn b’numru ta’ MEPs li appellaw biex il-vot fil-Parlament Ewropew ikun segwit.

Madankollu, dan ma kienx l-ewwel każ li l-Kunsill tal-Ministri Ewropej approvaw nomina li ma tkunx ġiet approvata mill-Parlament Ewropew. Fost każi oħrajn, f’April li għadda l-Kunsill tal-Ministri approva n-nomina tan-nominat Pollakk għall-istess Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Dan kien wassal għal diżappunt fost il-Membri Parlamentari Ewropej, li argumentaw kif bid-deċiżjoni tagħhom, il-Ministri Ewropej injoraw għal kollox id-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-popli Ewropej.

Aġġornata bl-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista : Muscat iwebbes rasu quddiem il-maġġoranza assoluta tal-Parlament Ewropew

Illum, ir-reputazzjoni ta’ Malta ħadet daqqa ta’ ħarta oħra wara li Muscat kompla jwebbes rasu minkejja l-maġġoranza assoluta tal-Parlament Ewropew. Il-vot tal-Parlament Ewropew dwar in-nomina ta’ Leo Brincat kien ċar, iżda Muscat għażel li jiġi jaqa’ u jqum minn din il-maġġoranza.

Dak li għamel Muscat hu aġir perikoluż, għaliex għażel li jiftaħ front kontra l-Parlament Ewropew ftit ġimgħat biss qabel pajjiżna jieħu l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea. Minflok ra kif għamel biex ikollu l-kunsens tal-istituzzjonijiet kollha Ewropej, Muscat aġixxa b’mod ċar li jiġi jaqa’ u jqum mill-Parlament Ewropew li hu stess kien membru tiegħu.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jinsisti li Muscat m’għandux imur għall-Presidenza tal-Unjoni Ewropea b’Keith Schembri u Konrad Mizzi mgħażżra ma’ għonqu. Keith Schembri u Konrad Mizzi huma l-kaġun tal-fatt li pajjiżna qed jieħu reputazzjoni ħażina ġimgħa wara l-oħra. Muscat, iżda qed jagħżel li jibqa’ jiddefendi l-indifensibbli.