Edukazzjoni Lokali

Il-libreriji – mezz kontra l-illitterizmu

Minkejja li l-era diġitali tellfet mhux ftit il-qari tal-kotba b’mod tradizzjonali, huma ħafna l-persuni li xorta waħda għadhom ifittxu li jmorru fil-libreriji pubbliċi u dik ċentrali ta’ Belt is-Sebħ biex jisselfu l-kotba.

Bl-għan li iktar persuni jagħmlu użu mil-libreriji li jinsabu fil-lokalitajiet differenti, kull sena għal snin twal il-Gvernijiet ta’ pajjiżna ilhom jallokaw fondi biex il-libreriji jissaħħu u jkomplu jinvestu f’kotba ġodda u tekonoloġiji li jassistu lil dawk li jagħmlu użu minnhom.

Iżda x-xiri tal-kotba biss mhux biżżejjed, hekk kif f’pajjiżna għad hawn eluf li ma jafux jaqraw, u oħrajn li lanqas biss jafu jiktbu isimhom. Fil-fatt, skont iċ-ċensiment, mat-3,000 persuna, bejn l-10 u d-39 sena, ma jafux jaqraw jew jiktbu.

Bl-għan li jitqajjem għarfien għall-qari fost ir-resident hemm €70,000 f’fondi mmirati 39 Kunsill Lokali, b’nofs l-investiment ġej mill-istess kunsilli bl-għan li dawn jintrabtu li jixtru kotba jew itejbu l-faċilitajiet fil-libreriji rispettivi.

€15,000 mill-fondi se jkunu ffukati speċifikament lil inizjattivi li jittieħdu mill-kunsilli waħdehom, jew flimkien, biex jedukaw lil persuni llitterati.

Pajjiżna għandu l-Politika Nazzjonali kontra l-Illitteriżmu, li fost l-oħrajn tħares ukoll lejn il-libreriji pubbliċi bħala parti mis-soluzzjoni. Fortunatament dan wassal ukoll għal żieda fl-ammont ta’ kotba mislufa mil-libreriji, fost l-oħrajn f’Għawdex, fejn in-Nadur jispikka għal żieda ta’ 30,000 ktieb fl-aħħar sena, fuq l-ammont tas-sena ta’ qabel.

Il-libreriji lokali u reġjonali fil-fatt qed jitqiesu bħala mezz ta’ kif jingħaqdu iżjed il-komunitajiet flimkien, iżommu l-identità tal-lokalità u jservi bħala mezz ta’ inklużjoni soċjali u tagħlim matul il-ħajja.

Dan fil-waqt li jkun hemm pjan li permezz tiegħu ħadd ma jaqa’ lura.