Lokali

Il-Maġistrat Joanne Vella Cuschieri f’nofs kontroversja politika

Il-Maġistrat Joanne Vella Cuschieri – li kkontestat l-aħħar elezzjoni ġenerali mal-Partit Laburista – tinsab f’nofs kontroversja politika hekk kif kienet il-Maġistrat li kienet qed tisma’ l-każ ta’ libell li s-Sindku tar-Rabat Għawdex fetaħ lill-Ministru għal Għawdex Anton Refalo.

Il-libell infetaħ wara li l-Ministru Refalo għadda kummenti dwar il-każ ta’ Samuel Azzopardi li nqata’ mill-Qorti x-xahar li għadda.

Il-ġimgħa li għaddiet, l-avukat li qed jirrapreżenta lil Samuel Azzopardi – Jason Azzopardi – ressaq talba quddiem il-Qorti biex dan il-każ bejn żewġ politiċi ma jinstemax quddiem il-Maġistrat Joanne Vella Cuschieri – u dan minħabba l-kandidatura tagħha fl-elezzjoni ġenerali tliet snin ilu. Jason Azzopardi rrimarka li l-każ hu bejn żewġ politiċi ġejjin mill-partiti opposti u se jkun qed jinqata’ minn persuna li kienet attiva ferm fil-Partit Laburista ftit tax-xhur ilu. Hu għamel din it-talba skont kif jingħata d-dritt mill-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem.

Skont dak żvelat minn The Sunday Times, jirriżulta li Joanne Vella Cuschieri wieġbet għal din it-talba billi staqsiet jekk l-Avukat ta’ Samuel Azzopardi jkollux problema jekk il-Maġistrat ikun Paul Coppini – li 30 sena ilu – kien kandidat tal-Partit Nazzjonalista. It-tweġiba kienet fin-negattiv u dan peress li t-talba dwar il-Maġistrat Coppini setgħet issir mill-Ministru Anton Refalo.

Jason Azzopardi argumenta li l-Maġistrat Vella Cuschieri għaddiet kummenti politiċi fir-risposta tagħha għat-talba tiegħu.

Madanakollu, l-Maġistrat Vella Cuschieri ma laqgħetx it-talba ta’ Samuel Azzopardi u ddeferiet il-każ għal Ottubru li ġej. Jason Azzopardi – f’isem Samuel Azzopardi – issa mistenni jagħmel din it-talba quddiem il-Qorti Kostituzzjonali.