Lokali Parlament

Il-Maltin iridu jħallsu t-taxxa fil-lukandi f’Għawdex

It-taxxa ta’ 50ċ fuq kull turist li jiġi Malta, irrispettivament f’liema akkomodazzjoni jkun, se tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ April u li din trid titħallas ukoll fuq il-Maltin li joqogħdu f’lukandi f’Għawdex.

Dan ikkonfermah il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis meta fil-Parlament illejla kien qiegħed iwieġeb diversi mistoqsijiet fost l-oħrajn mix-Shadow Minister Chris Said, u mid-Deputati Nazzjonalista Robert Arrigo u Ċensu Galea.

Għal mistoqsija tad-Deputat Robert Arrigo, il-Ministru Zammit Lewis qal li l-Gvern qed ikompli miexi bil-pjan tiegħu mħabbar fil-Baġit biex jattwa t-taxxa ta’ 50ċ fuq it-turisti li jżuru Malta, bit-tir tal-Gvern jibqa’ li din tibda titħaddem b’mod effettiv hekk kif tidħol f’April tas-sena d-dieħla.

Il-Ministru dwar it-Turiżmu qal li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet f’kumitat intern fil-ministeru tat-turiżmu bis-sehem tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u Ristoranti (MHRA) u dan biex it-taxxa tinġabar bl-anqas preġudizzju għall-industrija. Il-Gvern ukoll se jkun iebes biex l-akkomodazzjonijiet kollha li jilqgħu t-turisti jkunu liċenzjati.

Mistoqsi wkoll mix-Shadow Minister Chris Said jgħid jekk it-taxxa hix se titħallas ukoll fuq akkomodazzjonijiet ta’ farmhouses u akkomodazzjonijiet oħrajn, il-Ministru Zammit Lewis qal ukoll li l-prinċipju li hemm qbil dwaru mal-MHRA hu li t-taxxa, li minnha l-Gvern qiegħed jistma li jdaħħal madwar €7 miljun fis-sena, titħallas minn kull turist, kemm f’lukandi kif ukoll f’akkomodazzjoni oħra varja.

Mistoqsi mid-Deputat Ċensu Galea jekk il-Gvern hux se jkun qiegħed jikkonsulta mal-Kunsilli Lokali fil-mod kif tintefaq is-somma kull sena miġbura minn din it-taxxa, il-Ministru Zammit Lewis qal li l-Gvern se jkun qiegħed jikkonsulta mal-MHRA u li l-proġetti ffinanzjati minn din it-taxxa se jsiru wkoll mis-settur turistiku, bil-Kunsilli mhumiex se jkunu esklużi għaliex it-taxxa se tkun qed tgħin ukoll lill-kunsilli lokali f’zoni turistiċi.