Lokali

Il-maskra ta’ Muscat waqgħet – Simon Busuttil

“Il-maskra ta’ Joseph Muscat waqgħet”, sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil meta dalgħodu kien qed jiġi intervistat fuq Radio 101.

Simon Busuttil kien qed jitkellem b’referenza għal sensiela ta’ skandli li dan il-Gvern inqabad fihom, partikolarment l-iskandlu ta’ Gaffarena u l-aktar kontroversja riċenti, jiġifieri dik dwar il-ħatra anti-Kostituzzjonali ta’ żewġ Maġistrati.

Dwar il-ħatriet ta’ Ingrid Zammit Young u Caroline Farrugia Frendo, Simon Busuttil fakkar li dawn iż-żewġ persuni m’humiex eleġibbli biex ikunu Maġistrat, u għaldaqstant il-Ministru Owen Bonnici għandu jerfa’ r-responsabbilta’ politika u jirriżenja.

Qal li b’dawn iż-żewġ ħatriet li jmorru kontra l-Kostituzzjoni, il-Ministru Owen Bonnici wera jew li hu inkompetenti li ma jafx x’tgħid il-Kostituzzjoni, inkella kien jaf iżda għażel li jibqa’ għaddej bil-ħatriet xorta waħda. Fiż-żewġ każijiet hemm lok li l-Ministru jerfa’ r-responsabbiltà politika.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tenna li min lest li jikser il-Kostituzzjoni biex jagħmel il-ħatriet li jrid, mhuwiex denju li jmexxi l-pajjiż u qal li dan l-episodju jkompli juri l-mod kif qed taqa’ l-maskla ta’ Joseph Muscat, li qed iwettaq kompletament bil-maqlub ta’ dak li wiegħed.

Kien hawnekk fejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista reġa’ insista li minnufih, il-Gvern għandu mhux biss jirtira l-ħatra ta’ Caroline Farrugia Frendo (peress li din għadha m’għalqitx seba’ snin fil-prattika ta’ avukat) iżda minnufih jibda jaħtar il-membri tal-ġudikatura skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Bonello.

Hawnekk, Simon Busuttil irrepeta l-impenn li Gvern ġdid Nazzjonalista jibda jaħtar il-membri tal-ġudikatura wara proċess trasparenti u kompetittiv.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista temm jgħid li hu jinsab kburi li jmexxi Oppożizzjoni b’saħħitha u effettiva. Filfatt, kompla jgħid, li kieku ma kienx għall-Oppożizzjoni, il-Gvern kien jibqa’ għaddej b’dawn iż-żewġ ħatriet li jmorru kontra l-Kostituzzjoni.

Temm jgħid li l-poplu jixraqlu aħjar, u għal din ir-raġuni l-Partit Nazzjonalista se jkompli jwassal il-messaġġ u l-ideat tiegħu għal governanza tajba permezz ta’ dokument b’aktar minn mitt proposta biex titnaddaf il-politika darba għal dejjem.