Lokali

Il-media indipendenti fil-mira wkoll ta’ Silvio Schembri

Ikomplu l-attakki mill-esponenti tal-Partit Laburista fil-konfront tal-media indipendenti. Illum kien imiss lill-Membru Parlamentari Laburista Silvio Schembri li attakka lil The Times talli ppubblikaw storja li qed jibgħat kartolini lill-kostitwenti mill-Posta tal-Parlament.

Fir-rapport jingħad li l-kartolini qed jintbagħtu wkoll lil nies li, min-naħa tagħhom, jinsabu mħassba minfejn Schembri ġab id-dettalji personali tagħhom. Il-persuni li tkellmu mal-ġurnal staqsew jekk dan il-fatt hux qed jikser il-Liġi tal-Protezzjoni tad-Data. Iżda dwar dan, id-Deputat Laburista qal li qed jikseb l-informazzjoni mir-Reġistru Elettorali.

 

silvio schembri kartolina

Wara li kienet ippubblikata l-istorja f’The Times, Silvio Schembri għajjar lill-ġurnalisti li għandhom id-dwejjaq. Minflok, sostna li ta’ The Times qed jintimidawh.

Dan ma kienx l-ewwel attakk minn esponenti Laburisti għall-media indipendenti. Regolarment, l-Assistent tal-Prim Ministru Glenn Bedingfield juża’ l-blogg tiegħu biex jippubblika attakki kontra The Times u The Malta Independent, minkejja li hu politikament magħżul mill-Prim Ministru biex jiġbor informazzjoni għall-Mistoqsijiet Parlamentari indirizzati lil Muscat.

Mistoqsi mill-ġurnalisti dwar dawn l-attakki regolari, il-Prim Ministru kien ipproteġa lill-Assistent tiegħu billi wieġeb biss li Glenn Bedingfield m’għandux bżonn l-approvazzjoni tiegħu. Mistoqsi jekk Bedingfield għandux il-barka tiegħu, Muscat iddefendieh u qal li qed juża’ l-“freedom of expression”.

Attakki oħrajn waslu fost l-oħrajn mill-ġurnalista Laburista tas-Super One Janice Bartolo, filwaqt li l-ġurnal tal-GWU kien sejjaħ lill-ġurnalisti indipendenti bħala “spjuni miżerabbli u aġenti provokaturi tal-Partit Nazzjonalista”.