Għawdex Knisja Lokali

Il-mewt ta’ Dun Ġiljan Refalo taħsad lir-residenti tax-Xagħra

Il-mewt ta’ Dun Ġiljan Refalo mix-Xagħra f’Għawdex fl-eta’ ta’ 92 sena propju f’għeluq il-25 sena minn meta qaddes għall-ewwel darba tirrapreżenta l-mewt ta’ qassis uniku, ferm popolari ma’ nies minn kull ġenerazzjoni kif ukoll il-mewt ta’ kittieb ta’ diversi kotba u poeta. L-istorja ta’ Dun Ġiljan hija waħda li bħala ftit issib dan hekk kif wara li romol snin ilu għażel li jsegwi t-triq tas-saċerdozju. Kien l-Isqof t’Għawdex Nikol Cauchi li kien idderiġa lil Dun Ġiljan lejn s-saċerdozju wara li dan kien talbu biex jibgħatu x’imkien fil-missjoni.

Is-saċerdozju ma’ kienx l-ewwel xogħol reliġjuz ta’ Dun Ġiljan hekk kif bħala bniedem lajk huwa kien attiv ħafna fl-Azzjoni Kattolika. Bħala lajk Dun Ġiljan kien ukoll surmast ta’ l-iskola u kien miżżeweġ, missier ta’ tlett itfal u saħansitra nannu.

NetNews.com.mt tkellem ma’ Dun Karm Refalo, l-Arċipriet tal-paroċċa tax-Xagħra u neputi ta’ Dun Ġiljan.

Magħna huwa rrakonta dwar il-ħidma li kien iwettaq b’tant dedikazzjoni Dun Ġiljan partikolarment mal-morda. Qalilna kif Dun Ġiljan kien iħobb idur lil morda sabiex iqarbinhom; ħidma li kien jagħmel b’tant dedikazzjoni.

Qalilna wkoll dwar memorji riċenti sabiħa li għandu ta’ Dun Ġiljan u l-popolarita’ tiegħu. Dan meta waqt żjara ta’ l-Isqof t’Għawdex Mario Grech fil-paroċċa tax-Xagħra dan staqsa lill-abbatini liem kien l-aktar qassis li huma kienu jħossuhom qrib tiegħu u dawn semmew bla tlaqliq lil Dun Ġiljan. Dan juri, spjega n-neputi ta’ Dun Ġiljan, kif fil-ħidma tiegħu huwa kellu l-abilita’ li minkejja l-eta’ tiegħu jibqa’ qrib anke l-ġenerazzjoni żgħażugħa. Tkellem ukoll dwar kif Dun Ġiljan kien jitkellem ma’ l-abbatini fuq bosta suġġetti fosthom dwar il-football, b’Dun Ġiljan ikun akkanit fuq it-team Ingliż ta’ Liverpool.

Dun Karm Refalo sostna li l-ħajja ta’ Dun Ġiljan hija turija ta’ kemm nies tat-tielet eta’ jistgħu joffru kontribut kbir fis-soċjeta’.