Internazzjonali

Il-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq jaħseb biex jikkonsolida l-poter waqt kungress rari

Il-Korea ta’ Fuq organizzat l-ewwel kungress tal-Partit Komunista fil-Gvern mill-1980 u li hu kkunsidrat bħala l-aktar avveniment politiku importanti għal ħafna snin.

L-iskop tal-kungress hu biex Kim Jong-un jikkonsolida l-istatus tiegħu bħala Mexxej tal-pajjiż, meta l-osservaturi huma attenti għal kwalunkwe bidliet ta’ politika kif ukoll għal bidliet potenzjali fil-ġerarkija komunista ta’ Pyongyang.

Sadanittant, Kim Jong-un qed jinsisti bl-ambizzjonijiet nukleari tiegħu fost tħassib li l-Korea ta’ Fuq tista’ twettaq il-ħames prova tagħha f’dan is-settur.

L-istampa barranija kienet mistiedna għall-kungress fil-Korea ta’ Fuq, iżda l-ġurnalisti mhumiex permessi li jidħlu fid-Dar tal-Kultura, fiċ-ċentru ta’ Pyongyang, fejn qed isir dan l-avveniment.

Il-kungress partikolari kien is-seba’ wieħed tal-Partit tal-Ħaddiema (Komunista) tal-Korea ta’ Fuq u qed tiddomina arja kbira ta’ segretezza madwar l-avveniment, bil-membri tal-istampa jinsabu taħt moniteraġġ kontinwu mis-sigurtà ta’ Pyongyang. Intant, l-aħħar rapporti qalu li l-ġurnalisti ‘ttieħdu għal żjara ġo fabbrika minflok tħallew jidħlu fil-bini fejn qed isir il-Kungress’.

Mhux magħruf kemm se jdum dan il-Kungress u ma ngħatawx dettalji dwar l-aġenda.
Madankollu l-esperti sostnew li Kim Jong-un x’aktarx jiddikjara l-hekk imsejħa politika ‘ta’ byongjin’ tiegħu li tittratta inizjattivi simultanji lejn żvilupp ekonomiku u kapaċità nukleari.

Lanqas mhu eskluż li l-Kungress jista’ anki jwitti t-triq għall-‘introduzzjoni’ ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ kapijiet Komunisti.