Il-midja indipendenti tinsab taħt assedju – The Sunday Times of Malta

Il-midja indipendenti tinsab taħt assedju – hu b’dan il-mod li l-editorjal ta’ The Sunday Times of Malta jiddeskrivi dak li għaddej bħalissa taħt Gvern Laburista.

Fil-15 t’Ottubru 1979 grupp ta’ persuni nġabru quddiem il-bini tat-Times, taw is-salt u qabbdu l-bini … iżda minkejja li l-bini nqered, il-ġurnal The Times għadu hawn sa llum għaliex dak l-attakk ma kienx irnexxielu jrażżan il-liberta’ tal-espressjoni.

Fid-dawl ta’ dan ir-rakkont, l-editorjal ta’ The Sunday Times of Malta jitkellem dwar l-assedju li fil-preżent Gvern Laburista qed iwettaq kontra l-midja indipendenti u dawk kollha li jfettlilhom jiftħu ħalqhom biex jitkellmu dwar skandlu wara l-ieħor li qed joħnoq lil pajjiżna.

“Il-midja indipendenti tinsab taħt assedju,” jgħid l-editorjal, li jfakkar kif uħud mill-attakki jaslu minn aġenziji tal-aħbarijiet qrib il-Gvern, li jattakka ġurnalisti indipendenti u jwasslu miżinformazzjoni bl-iskop li jħammġuhom, waqt li jgħattu xtur il-Gvern.

Attakki oħra orkestrati minn Glenn Bedingfield li jpoġġi f’uffiċċju f’Kastilja u jitħallas biex jattakka lill-midja bil-barka tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

L-editorjal ifakkar kif ġimgħa ilu, The Sunday Times of Malta ppubblikat artiklu ta’ Keith Schembri, li fih iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru jidher qed jitfa’ theddida ċara lil din il-gazzetta. Keith Schembri hu membru tal-istess Gvern li qed jipprova jwaqqaf lill-ġurnalisti milli jitkellmu dwar l-iskandlu tal-Panama, billi jhedded u jressaq il-libelli.

Iżda minkejja dan, l-editorjal iwissi lill-Gvern li l-midja indipendenti għandha l-obbligu li tikxef dawn l-iskandli, tagħti l-informazzjoni lill-poplu u meta tagħmel hekk tkun qed tiddefendi d-demokrazija, minkejja li l-politiċi tal-Gvern qed jippruvaw ikissru d-demokrazija meta jtellfu l-liberta’ tal-espressjoni.

“Bqajna b’saħħitna wara l-attakk tal-1979, u se nibqgħu b’saħħitna issa, kontra kull attentat biex titwaqqaf il-liberta’ tal-espressjoni,” jtemm l-editorjal ta’ The Sunday Times of Malta.

Editorjal Timessund 29th