Lokali Parlament

Il-Ministru Bonnici appunta l-Bord tal-Evalwazzjoni u tar-Reviżjoni dwar il-Bjegħ taċ-Ċittadanza

Il-Bord tal-Evalwazzjoni dwar l-għażla tal-kumpanija fl-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza, kienu magħżula mill-Ministru Owen Bonnici.

Dan ġie żvelat waqt laqgħa tal-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi – il-PAC – li saret it-Tlieta filgħaxija. Dan filwaqt, li s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Intern, Kevin Mahoney, xehed quddiem l-istess Kumitat li l-proċess kollu tmexxa mill-Ministru Owen Bonnici, u li xogħolu bħala Segretarju Permanenti kien li jiffaċilita’ l-proċess.

Persuni li tkellmu ma’ Netnews.com.mt sostnew li m’hijiex il-prattikka li l-Ministru jagħżel il-Bord tal-Evalwazzjoni f’programm ta’ dan it-tip, bħal ma hija l-evalwazzjoni ta’ liema kumpanija kellha tamministra l-programm tal-bejgħ taċ-ċittadinanza f’Malta.

Kevin Mahoney xehed li l-Kumitat tal-Evalwazzjoni kien irċieva tlett offerti li kienu ta’ Henley & Partners, Arton Capital u KPMG.

Il-Bord tal-Evalwazzjoni, li l-membri tiegħu kienu magħżula mill-Ministru Owen Bonnici kien poġġa lil Henley and Partners fl-ewwel post bl-akbar ammont ta’ punti, minkejja li s-Segretarju Permanenti ta’ Owen Bonnici stess xehed quddiem il-PAC li ma kienx jaf kif kienu stabbiliti l-kriterji. L-anqas ma jaf min huma t-tlett membri magħżula minn Owen Bonnici għall-Bord tal-Evalwazzjoni jew il-kompetenzi tagħhom.

Waqt il-laqgħa tal-PAC saret diskussjoni wkoll dwar il-Bord ta’ Reviżjoni fl-għażla ta’ liema kumpanija kellha tintgħażel biex tamministra l-bejgħ taċ-ċittadinanza. Fix-xhieda quddiem il-PAC intqal li t-tlett persuni magħżula għal dan il-bord kienu għaddew mill-Ministeru u kkonferma li f’każi oħra ma kinitx issir hekk il-proċedura, iżda f’dan il-każ kien sar hekk.

Ritratt: Arkivji: Il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi.