Ekonomija Lokali

Il-Ministru Edward Zammit Lewis ikompli jżid it-tħassib dwar il-futur tal-ħaddiema tal-Air Malta

Il-futur tal-ħaddiema tal-Air Malta jibqa’ wieħed inċert. Dan hekk kif artiklu ppubblikat fil-ħarġa tal-lum tal-ġurnal The Malta Independent jgħid li l-Ministru responsabbli mill-Air Malta, Edward Zammit Lewis, ta x’jifhem li l-ammont ta’ ħaddiema tal-linja nazzjonali tal-ajru jista’ jonqos.

Bħalissa, il-Gvern għaddej b’taħdidiet mal-Etihad Airways biex isib sieħeb strateġiku għall-Air Malta. L-artiklu jkompli li l-Ministru Zammit Lewis qal li minkejja li sar tnaqqis fl-ispejjeż tal-kumpanija, il-mod kif din taħdem mhux wieħed vijabbli.

Għalhekk, il-mod kif taħdem l-Air Malta se jkun qed jinbidel u bil-Gvern qed ifittex sieħeb strateġiku ħalli din issir linja tal-ajru żgħira u aktar relevanti, kompla l-Ministru tat-Turiżmu.

Skont dak irrappurtat fil-mezzi tax-xandir, matul is-sena li għaddiet, l-Etihad kienet talbet lill-Air Malta biex tgħaddilha l-informazzjoni dwar l-ammont ta’ ħaddiema u l-pagi li jitħallsu. Kien ingħad ukoll li sieħeb strateġiku ġdid jaf ifisser ristrutturar ġdid għall-Air Malta, bil-possibbiltà li jitkeċċew xi ħaddiema.

Matul il-ġimgħa li għaddiet, il-ħsibijiet tal-ħaddiema tal-Air Malta kienu diskussi waqt laqgħa bejn il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u l-Assoċjazzjoni tal-Piloti (ALPA).