Lokali Parlament

Il-Ministru tal-Ambjent ma jafx jekk sarux konsultazzjonijiet qabel il-Baġit


L-Oppożizzjoni tistaqsi jekk hux se jogħlew il-prezzijiet bit-taxxa fuq il-fliexken tal-plastik

Il-Ministru tal-Ambjent ma jafx jekk il-Ministru tal-Finanzi kkonsultax mal-istakeholders dwar it-taxxa mħabbra fil-Baġit fuq il-fliexken tal-plastik u jekk din il-miżura hix se tgħolli l-prezzijiet.

Wara t-taxxa tas-sisa li ħabbar il-Gvern fuq il-fliexken tal-plastik u fuq fliexken oħra mhux alkoħoliċi li ħadet post l-Eko-Kontribuzzjoni, il-Gvern se jkun qed jiltaqa’ mal-istakeholders li qed jikkuntattjaw lill-Gvern biex isiru taħditiet dwar l-implimentazzjoni ta’ din it-taxxa.

Dan iddikjarah il-Ministru għall-Ambjent Leo Brincat meta fil-Parlament kien mistoqsi mid-Deputat Nazzjonalista Kristy Debono jispjega aktar dwar din it-taxxa li tħabbret fil-Baġit. Talbet ukoll lill-Ministru Brincat jgħid jekk hux se jkunu qed jiżdiedu l-prezzijiet tal-prodotti li se jintlaqtu bil-miżura tal-Baġit.

Il-Ministru Leo Brincat qal li mhux il-Ministru tal-Ambjent jagħmel it-taxxa, u qal li hu infurmat li kienu diversi l-entitajiet li staqsew u kkuntattjaw lill-Gvern dwar din il-miżura, u li se jkunu qed isiru taħditiet mal-istakeholders u ma’ min qiegħed juri interess.

Il-Minsitru Leo Brincat qal li ma jafx u mhux infurmat jekk sarux konsultazzjonijiet qabel mal-istakeholders u ma jistax jitkellem f’isem il-Ministru tal-Finanzi, li ma kienx preżenti fil-Kamra, jew f’isem il-Ministeru tal-Finanzi. Ikkonferma biss, għax qal hu infurmat, li se jsiru taħditiet dwar it-taxxa mħabbra fil-Baġit.