Internazzjonali

Il-misteru tas-sottomarin li kien l-aħħar deher f’Malta fit-Tieni Gwerra Dinjija

L-aħħar dehra tas-sottomarin HMS P311 tmur lura għal Diċembru tal-1942. Fl-eqqel tat-Tieni Gwerra Dinjija, dan is-sottomarin kien telaq minn Malta bħala parti minn attakk tal-qawwiet Alleati fuq il-bastimenti tal-gwerra Taljani. Iżda minn meta ħalla pajjiżna, kien baqa’ misteru x’sar minnu.

Issa jidher li r-Royal Navy qed tinvestiga rapporti dwar is-sejba tal-fdalijiet ta’ sottomarin tal-qawwiet Britanniċi ta’ żmien it-Tieni Gwerra Dinjija u li jingħad li ntlemħu ‘il hinn mill-kosta ta’ Sardinja’. Għaddas Taljan li jismu Massimo Bondone qal li dan is-sottomarin hu irreġistrat bħala HMS P311 – l-istess wieħed li kien ilu snin twal imdawwar b’misteri kbar.

Skont Bondone, il-fdalijiet tas-sottomarin tal-għamla T-class jinsabu ftit ‘il barra mill-gżira ta’ Tavolara. Hu qed jgħid li hu ‘seta jidentifika’ is-sottomarin permezz ta’ żewġ Chariot torpedoes marbutin mal-qafas tal-inġenju.

Fl-istess ħin, kelliem għar-Royal Navy qal li l-qawwiet marittimi Britanniċi qed jeżaminaw ir-rekords ‘biex jiddeterminaw jekk dan hux tassew sottomarin tan-Navy’.

74 SENA TA’ MISTERU

L-HMS P311 kien għeb bejn it-30 ta’ Diċembru tal-1942 u t-8 ta’ Jannar tal-1943 meta daħal rapport dwar in-nuqqas tas-sottomarin li ma daħalx lura fil-bażi.

Meta telaq minn Malta, is-sottomarin kien fi triqtu lejn La Maddalena, f’Sardinja, biex jattakka żewġ cruisers tal-qawwiet tal-baħar Taljani, bħala parti minn assalt tal-Alleati magħruf bħala Operation Principle.

L-aħħar messaġġ mill-HMS P311 kien intbagħat fil-31 ta’ Diċembru tal-1942. Ħafna kienu jaħsbu li dan is-sottomarin għereq wara li laqat ma’ xi mines li t-Taljani kienu qiegħdu fil-baħar. Madankollu la s-sottomarin u lanqas l-ekwipaġġ tiegħu qatt ma instabu.