Lokali Parlament

L-aggressività murija fil-Parlament ilha ssir kemm ilu Prim Ministru Joseph Muscat

Il-mozzjoni biex jiġi kundannat u sospiż Joe Debono Grech qed tiġi diskussa fil-Parlament bħalissa

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil saħaq li l-aggressività murija fil-Parlament mhix xi ħaġa li bdiet minn kemm ilu jiġi trasmess il-Parlament, iżda ilha ssir kemm ilu Prim Ministru Joseph Muscat.

Simon Busuttil tkellem illejla fil-Parlament dwar il-mozzjoni li ressaq dalgħodu lill-Ispeaker biex jinbidel ir-ruling tal-Ispeaker dwar l-inċident ta’ nhar il-Ġimgħa, u tikkundanna l-kliem u l-aġir ta’ Debono Grech u titlob biex jiġi sospiż.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li Joseph Muscat wiegħed li se jagħmel politika liberali, moderat u progressiv. B’dak li qed jippermetti li jsir il-Prim Ministru xejn minn dan m’hu jseħħ.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li r-ruling tal-Ispeaker qed tkun kontestata għaliex hi nieqsa minn kull sens ta’ ġustizzja u tpoġġi fl-istess keffa lil min wettaq xi ħaġa ħażina u lil min kien vittma ta’ dak ir-reat.

Anke jekk Marlene Farrugia kapaċi tiddefendi lilha nfisha, ħadd m’għandu jaċċetta li tiġi mhedda bil-mod kif ġiet mhedda.

Simon Busuttil qal li fil-Jum Internazzjonali dwar il-Vjolenza Kontra n-Nisa, il-Ministru Helena Dalli, Ministru tal-Libertajiet Ċivili, f’diskors fil-Parlament sostniet li n-nisa m’għandhomx jilagħbuha tal-vittmi. Dan juri kemm il-Ministru Dalli mhix il-Ministru tal-Libertaijiet Ċivili imma tal-Libertajiet Inċivili. Kieku f’pajjiż ieħor, il-Ministru Dalli kien ikollha tirriżenja.

Simon Busuttil qal li l-Ispeaker iddeskriva l-aġir fil-Kamra fl-inċidenti ta’ nhar il-Ġimgħa, bħala aġir f’maqjel. L-Oppożizzjoni ma tistax taċċetta li titqies fuq l-istess livell bħal Joe Debono Grech għaliex l-Oppożizzjoni taġixxi b’mod ċivili.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li għaddew ħamest ijiem u l-Prim Ministru kien għadu ma kkundannax l-aġir ta’ Joe Debono Grech. Jekk ma jikkundannahx ifisser li jkun qed jaqbel miegħu.

L-aġir tal-Gvern f’dan il-każ juri li l-Gvern mhux lest li jaċċetta kritika u qed jagħmel il-maqlub ta’ dak li wiegħed meta qal li kien se jdaħħal mod ġdid kif issir il-politika.

L-aggressività issa saret kontra xi ħadd mill-istess partit li għamel il-kritika lill-Gvern.

Fil-bidu tas-seduta tal-lejla, f’ittra li bagħat lill-Ispeaker, id-Deputat Laburista Joe Debono Grech għamel apoloġija fil-Parlament għad-diskors li qal “Niġi ħdejk u nifqgħek” lejn id-deputat indipendenti Marlene Farrugia f’inċident li nqala’ fil-Parlament fis-seduta ta’ nhar il-Ġimgħa filgħaxija.

L-Ispeaker ma laqax talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni biex l-Ispeaker innifsu jibqa’ jippresiedi d-dibattitu dwar il-mozzjoni, bil-Kap tal-Oppożizzjoni jispjega li l-Oppożizzjoni ma trid tgħid xejn minn wara dahar l-Ispeaker.

Simon Busuttil qal li l-Oppożizzjoni qed tikkontesta ruling iżda m’hemm ebda kunflitt fuq id-deċiżjoni li ngħatat mis-Sedja fir-ruling għaliex se tkun il-Kamra li tieħu deċiżjoni, u appellalu jibqa’ u jisma’ għaliex qed nikkontestaw.

L-Ispeaker irrimarka li se jkun qiegħed jirtira mill-Kamra fuq prassi li dejjem intużat fil-Parlament.