Il-gazzetta il-Mument żvelat kif bejn l-aħħar ta’ April u l-bidu ta’ Mejju li għadda, Nutar tal-Gvern safa mneżża’ għal darba, darbtejn minn ħwejġu waqt li kien qiegħed miżmum mill-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana.
Dan it-trattament inuman u abbużiv mill-Pulizija twassal lil il-Mument b’mod kunfidenzjali ħafna minn xi ħadd viċin tal-investigazzjonijiet li qalilna li dakinhar kollegi tiegħu kienu qabżu kull limitu ta’ diċenza u prudenza fil-konfront ta’ Nutar tal-Gvern.
Tul il-bosta sigħat li dan in-Nutar tal-Gvern dam arrestat fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana, hu ma tħalliex jagħmel kuntatt ma’ martu jew ma’ familtu. Dan minbarra li tteħidlu t-telefown ċellulari u ma tħalliex ikellimhom biex jinfurmahom li kien qiegħed għand il-Pulizija.
Minkejja li fil-kors tal-investigazzjoni hu kien umiljat bi trattament ħażin u abbużiv wara li tneżża’ darbtejn minn ħwejġu, dan in-Nutar xorta waħda ma ċediex għall-pressjoni li kienet qed issir fuqu mill-Uffiċjali tal-Pulizija li kienu qed jinterrogawh u li ta’ spiss għollew leħinhom miegħu wkoll.
Il-Mument hija infurmata li n-Nutar tal-Gvern Anthony Hili li ħadem fuq il-kuntratti fil-każ tal-proprjetà ta’ Strada Zekka, dejjem kellu pressjoni minn Clint Scerri, li kien jaħdem fis-Segretarjat Privat tal-eks-Segretarju Parlamentari Michael Falzon.
In-Nutar Hili żied jgħid lill-Pulizija kif u b’liema metodi Clint Scerri kien jagħmel pressjoni waqt li ċaħad li kien hemm xi kuntatt mal-familja Gaffarena.
Każi umiljanti bħal dawn kienu jsiru fis-snin 70 jew 80 meta persuni arrestati kienu saħansitra jissawtu fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.
L-isfond tal-investigazzjoni
Mill-investigazzjonijiet li għamlet Il-Mument il-gazzetta tgħid li jirriżulta li l-arrest tan-Nutar tal-Gvern sar wara li l-Prim Ministru Joseph Muscat kien vara investigazzjoni fil-każ tal-iskandlu ta’ Strada Zekka fejn fi żmien l-eks-Segretarju Parlamentari Michael Falzon – li eventwalment kellu jirriżenja mill-kariga li kellu – kienu saru deals ma’ Marco Gaffarena.
Id-diskors u l-informazzjoni dwar dak l-iskandlu kienu ilhom għaddejjin bosta u bosta xhur iżda l-Pulizija qatt ma ħadet il-briga biex tinvestiga. Sorsi fi ħdan il-Korp tal-Pulizija jsostnu wkoll li dakinhar l-eks-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar kellu direzzjoni biex iżomm ’il bogħod minn tali investigazzjoni.
Madankollu, fix-xhur ta’ wara kompliet tinħareġ aktar informazzjoni dwar dan l-iskandlu kbir sal-punt li l-Prim Ministru Joseph Muscat, ippressat mill-midja u mill-opinjoni pubbliku, kellu jaħtar inkjesta dwar dan l-iskandlu.
Il-pulizija kienu marru fil-bini tad-Dipartiment tal-Artijiet u ħadu l-files marbuta mal-każ tal-proprjetà fi Strada Zekka, u bdew jinterrogaw nies marbuta mal-każ. L-investigazzjonijiet kienu bdew wara li fis-7 ta’ Marzu 2015 kienet ħarġet l-aħbar li Charles Camilleri, eks-Direttur tad-Dipartiment tal-Artijiet, kien bagħat xhieda maħlufa lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditur. Wara investigazzjoni mill-istess Uffiċċju, Charles Camilleri ammetta li ma kienx qal lill-Awditur Ġenerali l-verità sħiħa. L-Awditur Ġenerali kien irrefera l-każ lill-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi għalkemm stqarr li x-xhieda ma effettwatx il-konklużjonijiet tal-investigazzjoni.
Fix-xhieda maħlufa, Charles Camilleri kien stqarr li kien ġie mhedded minn persuni fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex ma jikxifx dettalji li kienu jkunu ta’ detriment għalihom. Hu kien sostna li ma kienx kixef l-involviment tal-eks-Segretarju Parlamentari Michael Falzon għaliex ħassu mhedded minn Clint Scerri, li kien intgħażel speċifikament minn Michael Falzon.
Il-Gvern kien akkwista proprjetà li tiswa €944,500 filwaqt li Gaffarena rċieva €3.4 miljun fi flus kontanti u proprjetà. Charles Camilleri kien wieħed mill-persuni msemmija fir-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditur bħala persuna li ffaċilitat it-transazzjoni.
Pressjoni minn Clint Scerri
Fl-isfond ta’ dan kollu, il-Pulizija kienet għamlet sensiela ta’ arresti ta’ uffiċjali mid-Dipartiment tal-Artijiet u kienet interrogathom fit-tul. Fost l-oħrajn kienet ġabret ukoll lin-Nutar tad-Dipartiment tal-Artijiet – in-Nutar Anthony Hili, li hu minn Ta’ Sannat, Għawdex.
Minn tagħrif li kisbet il-mument riżultat tal-istħarriġ li sar, jirriżulta li fil-kors tal-interrogazzjoni, in-Nutar Hili stqarr konsistentement li waqt li hu fassal il-kuntratti fil-każ ta’ Strada Zekka, dejjem kien ikun ippressat minn Clint Scerri, li kien jaħdem fis-Segretarjat Privat tal-eks-Segretarju Parlamentari Michael Falzon.
In-Nutar Anthony Hili fisser lill-Pulizija kif Clint Scerri kien mibgħut mill-Ministeru u kien jagħmel pressjoni kbira fuqu. Kien qal li Clint Scerri kien involva lilu nnifsu meta nbidel is-Segretarju Parlamentari u kien inħatar Michael Falzon.
In-Nutar Hili żied jgħid lill-Pulizija li dan Clint Scerri kien jindaga mal-ħaddiema biex jassigura li x-xogħol fuq il-proċess qiegħed isir. Clint Scerri kien jistaqsi anki lilu fejn kien wasal ix-xogħol. Saħansitra kien iċempillu darba iva u darba le.
Waqt l-interrogazzjoni, in-Nutar Anthony Hili kien enfasizza li hu qatt ma kien għamel xi kuntatt mal-koppja Gaffarena. Anki meta ppressat mill-Pulizija, hu baqa’ jsostni din il-verżjoni li hu qatt ma kellem lil Marco Gaffarena u lanqas lil ħadd mill-familja Gaffarena.
L-involviment ta’ Clint Scerri
Minn aktar stħarriġ li għamlet il-mument irriżulta li dwar dan Clint Scerri kienu nħarġu aktar fatti ferm importanti, fosthom id-dikjarazzjoni ta’ Charles Camilleri, l-eks-Uffiċjal Għoli fid-Dipartiment tal-Artijiet, li f’Affidavit stqarr li: “Hekk kif kont narah lil Clint Scerri quddiemi jistenna li nagħmel dik il-minuta jew li nieħu deċiżjoni, kont inħossni marsus. Qisu hemm xi ħadd jiġri warajja. Kont qed niġi ppressat nagħmel xi ħaġa li ġeneralment tieħu aktar ħin biex issir.”
Charles Camilleri kien iddikjara li Clint Scerri kien jagħmel pressjoni kbira biex il-każ ta’ Gaffarena jgħaġġel, b’Marco Gaffarena li kien jidħol meta jrid fid-Dipartiment tal-Artijiet, ħafna drabi akkumpanjat minn Clint Scerri.
“Ġieli kif noħroġ mill-uffiċċju kont insib lil Marco Gaffarena ma’ wiċċi, bilqiegħda fuq skrivanija li hemm fil-kuritur,” spjega Charles Camilleri fl-Affidavit, u qal li Gaffarena kien dejjem jistaqsi fiex wasal il-file.
Fl-Affidavit hu kien spjega li sar jaf l-ewwel darba bit-talba għall-esproprjazzjoni f’Lulju 2014 meta Clint Scerri mar ma’ Marco Gaffarena u qallu li kien mibgħut minn Michael Falzon. Lil Clint Scerri, Camilleri qallu li għalkemm id-Dipartiment tal-Artijiet iwettaq il-proċess biex issir l-esproprjazzjoni, ikun il-membru tal-Kabinett li jawtorizza l-esproprjazzjoni. Clint Scerri insista li ssir il-minuta u qal: “mhux Michael ħa jiddeċiedi?”.
Charles Camilleri kien żied spjegazzjoni li ftit taż-żmien wara, Clint Scerri mar waħdu fl-uffiċċju tiegħu u kien qallu li Michael Falzon kien approva li ssir l-esproprjazzjoni, tant li ħareġ minuta mill-file miktuba minn Michael Falzon stess.
Fl-Affidavit, Camilleri żied li wara li saret il-valutazzjoni tal-kwart ta’ binja fi Strada Zekka, Clint Scerri reġa’ mar flimkien ma’ Gaffarena u indikalu biċ-ċar liema kienu l-proprjetajiet li kellhom jitpartu. Reġgħu marru d-Dipartiment tal-Artijiet fl-2015, meta Gaffarena ried li l-Gvern jesproprja kwart ieħor tal-binja fi Strada Zekka.
//= $special ?>