Lokali

Il-pajjiż jeħtieġ għaqda u mhux diviżjoni dwar is-sigurtà – il-PN

Dwar is-sigurtà tal-pajjiż jeħtieġ għaqda u mhux diviżjoni. Dan hekk kif id-diviżjoni minflok l-għaqda saret karatteristika tal-Gvern Laburista.

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li l-appell tal-Kap tal-Oppożizzjoni dwar is-sigurtà nazzjonali intlaqa b’diskors diviżiv mill-Ministru tal-Intern Carmelo Abela, fejn minflok ma laqa l-appell tal-Kap tal-Oppożizzjoni, infexx f’sensiela ta’ attakki fil-konfront tal-Kap tal-Oppożizzjoni.

L-istqarrija tkompli tgħid li hu redikolu kif il-Ministru tal-Intern jattakka l-Oppożizzjoni meta taħtu seħħ wieħed mill-akbar skandli dwar is-sigurtà ta’ pajjiżna, jiġifieri l-ħruġ ta’ 14,000-il permess ta’ residenza u 7,000 visa lil ċittadini Alġerin f’temp ta’ 18-il xahar. Skandlu li wassal għal persuni li tressqu l-Qorti, bil-Partit Nazzjonalista jżid li l-Ministru Abela hu politikament responsabbli mill-aġenzija tal-Gvern ‘Identity Malta’, li minnha ħareġ dan l-iskandlu.

Filwaqt li taħt il-Ministru Abela infetħu l-bibien għal ċittadini barra miz-zona Schengen, il-Ministru impona l-kontrolli għall-pajjiżi tas-Schengen u dan filwaqt li nsista li ma kien hemm l-ebda riskju ta’ sigurtà mill-Ewropa. U f’dan it-taħwid kollu, il-Prim Ministru l-anqas biss indenja ruħu li jsejjaħ laqgħa tal-Kumitat tas-Sigurtà, żied il-Partit Nazzjonalista.

Dawn il-kontradizzjonijiet qed jiġu minn Gvern u Ministru li jimpurtahom aktar fid-diviżjoni milli fl-għaqda, qal il-Partit Nazzjonalista, filwaqt li appella għall-maturità dwar dan is-suġġett sensittiv.