Internazzjonali

Il-Panama Papers: ‘Offerta’ lill-awtoritajiet legali biex jipproċessaw persuni dwar ħabi ta’ assi

Is-sors anonimu responsabbli mil-leaks tal-Panama Papers tkellem għall-ewwel darba fejn offra li jgħin lill-awtoritajiet tal-liġi biex jipproċessaw numru ta’ nies prominenti, inklużi politiċi, bi skambju għall-immunità.

Il-persuna inkwistjoni, li użat il-psewdonomu ‘John Doe’, ħarġet stqarrija ta’ 1,800 kelma fejn żvelat li hi qatt ma ħadmet għal xi gvern jew aġenzija għall-ispjunaġġ. Hi tinsisti li l-iskop wara l-aġir kien ibbażat fuq ‘il-kunċett tad-dħul ugwali’.

Il-Panama Papers urew kif in-nies sinjuri qed jużaw il-kumpanniji offshore biex jevadu t-taxxa u s-sanzjonijiet. Id-dokumenti huma tad-ditta legali Mossack Fonseca, li l-kelliema tagħha qed jiċħdu li għamlu xi ħaġa ħażina. Il-Panama Papers kienu analizzati minn ġurnalisti investigattivi, bid-dokumenti jiżvelaw l-assi moħbija ta’ mijiet ta’ politiċi, uffiċjali, personalitajiet ċelebri u mexxejja nazzjonali li għadhom fil-kariga u oħrajn li spiċċaw mill-poter ftit taż-żmien ilu.

Fl-istqarrija bl-isem ‘The Revolution will be Digitized’ ‘John Doe’ tgħid li l-ugwaljanza fid-dħul hi fost il-kwistjonijiet li jiddefinixxu żmenijietna.

Imbagħad hi toħroġ bil-kumment sinifikanti li ‘eluf ta’ prosekuzzjonijiet kapaċi jirriżultaw mill-Panama Papers f’każ li l-aġenziji għall-infurzar tal-liġi jingħataw aċċess għad-dokumenti attwali biex jevalwawhom’. Filwaqt li l-International Consortium of Investigative Journalists (ICIJ) u entitajiet sieħba ma pprovdewx id-dokumenti lil dawn l-aġenziji, il-persuna li qed tuża l-isem ‘John Doe’ qalet li tkun lest biex tikkoopera kemm jista’ jkun mal-aġenti tal-liġi.

Fl-istess ħin il-persuna anonima, li tista’ tkun mara jew raġel, qalet li ‘whistleblowers leġittimi li jiżvelaw aġir illegali ħaqqhom immunità mir-reazzjonijiet ta’ Gvern’.

L-istqarrija ta’ ‘John Doe’ tkompli li l-persuna li żvelat il-ħabi tal-assi min-naħa tas-sinjuri ddeċidiet li taqsam id-dokumenti mal-ICIJ u l-gazzetta Suddeutsche Zeitung mhux minħabba skop politiku ‘iżda sempliċiment għaliex hi tifhem biżżejjed dwar il-kontenut biex tirrealizza l-iskala tal-inġustizzji involuti’.

Intant, kelliema għall-Mossack Fonseca, li hi bbażata l-Panama, qalu li d-ditta legali spiċċat mira ta’ hacking. Dan meta d-ditta ressqet ilment partikolari lill-avukat ġenerali tal-Panama.