Internazzjonali

Il-Papa Franġisku fil-Messiku: Żjara li mistennija tindirizza l-problemi tal-vjolenza

Il-Papa Franġisku beda żjara ta’ ħamest ijiem fil-Messiku fejn se jdur diversi bnadi tal-pajjiż u, possibbilment, jiġbed attenzjoni għall-inkwiet – fil-parti kbira dovut għall-vjolenza u l-problemi ta’ immigrazzjoni — li qed jifni lis-soċjetà ta’ dan il-pajjiż li għandu t-tieni l-akbar popolazzjoni Kattolika fid-dinja.

Wara li niżel fil-Belt tal-Messiku, il-Kap tal-Kattoliċi ntlaqa’ fl-ajruport mill-President Messikan Enrique Pena Neto u l-mara tiegħu, waqt li mijiet ta’ eluf ta’ devoti mlew it-toroq biex jagħtuh merħba kbira.

Il-bidu tal-programm tal-Papa kien jinkludi taħditiet bejnu u l-President Pena Neto fil-Palazz Nazzjonali fil-Belt tal-Messiku. Dan l-avveniment hu sinifikanti, minn lat simboliku, għaliex ħadd mill-Kapijiet tal-Knisja preċedenti ma qatt kienu mistiedna biex jidħlu f’dan il-bini.

Iż-żjara tal-Papa tista’ tagħti ftit tan-nifs lill-President Messikan meta l-Messiku qed jiffaċċja l-problemi persistenti, fosthom l-irvell riċenti f’ħabs fil-limiti ta’ Monterrey fejn kienu mietu għexieren ta’ ħabsin.

L-impenji tal-Papa fil-Messiku jinkludu wkoll laqgħat mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, membri tal-korp diplomatiku u Isqfijiet Messikani. Sadanittant, hemm stennija kbira għall-pellegrinaġġ li l-Papa għandu jagħmel fil-Bażilika tal-Madonna ta’ Guadalupe li hi santwarju ewlieni għall-Kattoliċi.

F’din il-Bazilika hemm xbigħa tal-Madonna li ħafna Kattoliċi jqimu bħala waħda mirakoluza u wara li jiċċelebra l-quddies fl-inħawi, il-Papa mistenni jqatta’ xi żmien hemmhekk biex jitlob waħdu quddiem din ix-xbigħa.

Il-jiem li ġejjin se jkunu daqstant ieħor impenjattivi għall-Papa li se jżur uħud mill-aktar reġjuni fqar li huma magħrufa wkoll għall-vjolenza bla heda.

Qabel wasal il-Messiku, il-Papa qal li hu ma għandu l-ebda ħsieb li jipprova ‘jgħatti’ l-pjagi tal-vjolenza, il-korruzzjoni u l-kriminalità tal-gruppi tad-droga fil-Messiku meta din hi r-raġuni għalfejn hu għażel biex iżur, proprju, dawn l-ibnadi.

Il-programm tal-Papa jinkludi wkoll quddiesa bil-miftuħ għall-massa f’Ecatepec, li hu wieħed mis-sobborgi tal-Messiku ddominat mill-kriminalità u minn ‘epidemija’ ta’ omiċidji tan-nisa. Hu, ‘il quddiem, jiċċelebra quddiesa oħra fi Chiapas, li hu l-aktar Stat fqir tal-Messiku, u li se titmexxa fi tliet lingwi indiġeni.

Il-Kap tal-Kattoliċi, nhar it-Tlieta, iżur l-inħawi ta’ Morelia, il-kapitali tal-Istat ta’ Michoacan qabel jikkonkludi l-mawra bi żjara fi Ciudad Juarez, li sa ftit ilu kien magħruf bħala ‘l-kapitali tal-omiċidju’ tad-dinja u li jinsab man-naħa l-oħra tal-fruntiera minn Texas, fl-Istati Uniti.