Internazzjonali

Il-Papa jasal fil-Kenja

Il-Papa Franġisku ftit tal-ħin ilu wasal fil-kenja bidu għall-ewwel vjaġġ tiegħu fil-kontinent Afrikan. L-ewwel waqfa se tkun f’Nairobi, fil-Kenja, fejn huma attivi l-militanti Iżlamiċi tal-al-Shabab.
Minbarra l-Kenja, il-Papa se jkun qed iżur ukoll l-Uganda u r-Repubblika Ċentrali Afrikana. F’Nairobi, eluf kienu mistennija jinġabru tul it-toroq biex jagħtuh merħba għaż-żjara ta’ tlett ijiem. Fil-Kenja, madwar 30 fil-mija tal-popolazzjoni hi Kattolika fosthom il-President Uhuru Kenyatta.
Waqt li jkun il-Kenja, il-Papa se jkun qed jivvjaġġa f’karozza bla saqaf – xi ħaġa ta’ tħassib għas-sigurtà tiegħu. Il-Gvern alloka 10,000 uffiċjal tal-pulizija għas-sigurtà tul il-vjaġġ tal-Papa.
Tul il-vjaġġ, il-korruzzjoni, il-faqar u l-vjolenza f’isem ir-reliġjon mistennija jkunu t-temi li jiddominaw. Il-Papa se jżur ukoll raħal tal-fqar waqt li jkun Nairobi.