Internazzjonali

Il-Papa jitlaq lejn Kuba u l-Messiku

Il-Papa Franġisku telaq minn Ruma lejn l-Amerika Latina fost stennija kbira għal laqgħa li se ssir f’Kuba, matul il-lejl, bejnu u l-Patrijarka Kirill, li jmexxi l-Knisja Ortodossa.

Wara din il-laqgħa, il-Papa jivvjaġġa lejn il-Messiku għal żjara ta’ ħamest ijiem, b’din tkun anki l-ewwel żjara ta’ Franġisku bħala Kap Kattoliku li ġej mill-kontinent Latin Amerikan.

Il-Papa Franġisku telaq mill-kapitali Taljana, kmieni filgħodu, għal laqgħa privata ta’ sagħtejn ma’ Kirill li qed tkun organizzata fl-ajruport ta’ Jose Marti, f’Havana, il-kapitali ta’ Kuba.

Huma, ‘il quddiem, se jiffirmaw dikjarazzjoni konġunta għall-okkażjoni, b’din tkun l-ewwel laqgħa f’elf sena bejn il-Mexxejja tal-Knisja Kattolika u l-Knisja Ortodossa, li huma l-akbar istituzzjonijiet fid-Dinja Kristjana.

Il-Papa, għada, mistenni jiċċelebra quddiesa fil-Bażilika tal-Madonna ta’ Guadalupe, li tinsab fil-limiti tal-Belt tal-Messiku. Matul iż-żjara fil-Messiku, il-Papa għandu jżur il-fruntieri tan-Nofsinar u t-Tramuntana tal-pajjiż, flimkien ma’ zoni Messikani oħrajn li qed iġarrbu l-vjolenza li qed iwettqu gruppi tad-droga lokali.