Internazzjonali

Il-Papa jwassal messaġġ għall-paċi f’zona ta’ konflitt

Il-Papa Franġisku qed jikkonkludi l-mawra tiegħu fil-kontinent tal-Afrika meta, sigħat ilu, wasal fir-Repubblika Ċentrali Afrikana li tinsab mifnija bi vjolenza kontinwa bejn ribelli Musulmani u milizzji Kristjani.

Din hi anki l-ewwel żjara tal-Papa f’zona ta’ gwerra fejn qed iwassal messaġġ ta’ tama u paċi lill-poplu tar-Repubblika Ċentrali Afrikana li, fi ftit ġimgħat, jivvota f’elezzjonijiet importanti. Il-Papa qed jawgura li l-elezzjonijiet jiftħu paġna ġdida għal dan il-pajjiż li, fil-preżent, qed jiffaċċja problemi kbar ħafna.

L-Aġent President tar-Repubblika Afrikana Ċentrali, Catherine Samba-Panza talbet maħfra lill-Papa għall-vjolenza riċenti dovut għar-reliġjon f’pajjiżha. Intant, folol kbar ta’ devoti nġemgħu tul it-triq tal-ajruport biex jilqgħu lill-Papa Franġisku, bil-Kap tal-Kattoliċi anki jingħata merħba kbira meta wasal f’kamp għar-refuġjati bħala wieħed mill-ewwel impenji f’dan il-pajjiż.

Il-Papa tkellem fil-Palazz tal-Presidenza fil-kapitali Bangui fejn sejjaħ għall-għaqda u biex in-nies jevitaw ‘it-tentazzjoni li, b’azzjonithom, jesprimu biża’ minn ħaddieħor u għal dak kollu li jista’ jidher differenti’.

Il-programm tiegħu f’dan il-pajjiż jinkludi quddiesa fil-Barthelemy Boganda Stadium ta’ Bangui u żjara ġo Moskea tal-komunità Musulmana fil-kapitali tar-Repubblika Afrikana Ċentrali.

Il-gwerra ilha għexieren tas-snin tiddomina l-inħawi ta’ din ir-Repubblika Afrikana, iżda kien biss fl-aħħar sentejn li l-ġlied beda jadotta dimensjoni reliġjuża.

Il-Papa Franġisku għadu kemm temm żjara fl-Uganda fejn iċċelebra quddiesa għal udjenza ta’ mijiet ta’ eluf ta’ devoti. Iż-żjara tiegħu fl-Afrika bdiet fil-Kenja, fejn, nhar il-Ġimgħa, indirizza udjenza ta’ żgħażagħ f’Najrobi u ħeġġiġhom biex jirreżistu l-effetti qerrieda tal-konflitti u l-antagoniżmu bejn it-tribujiet rivali.