Internazzjonali

Il-Papa jżur Auschwitz u jiltaqa’ ma’ eksresidenti tal-kamp

Il-Papa Franġisku qed ikompli biż-żjara fil-Polonja fejn ftit tas-sigħat ilu żar l-eks kamp tal-konċentrament ta’ Auschwitz. Hu iddedika ħinu għal talb u riflessjoni f’dan il-kumpless fejn, fit-Tieni Gwerra, inqatlu għexieren ta’ eluf ta’ nies, fil-parti kbira tagħhom Lhud, taħt idejn in-Nażisti.

Il-Papa mexa waħdu madwar dan il-kamp tal-mewt, fost skiet perfett, u fejn anki ltaqa’ u tkellem ma’ residenti anzjani tal-kumpless. Iż-żjara solenni saret fit-tielet jum tal-mawra li l-Papa qed jagħmel bħalissa fil-Polonja u li qed timmarka għeluq l-1,050 sena mindu dan il-pajjiż adotta l-Kristjaniżmu.

Fil-kamp ta’ Auschwitz, li twaqqaf meta l-Polonja kienet okkupata mill-qawwiet Nażisti ta’ Adolf Hitler, mietu madwar 1.1 miljun persuna u l-Papa Franġisku sar it-tielet kap tal-Kattoliċi li għadda mid-daħla prinċipali ta’ dan il-kumpless fejn hemm il-famuża iskrizzjoni bil-messaġġ ‘Arbeit Macht Frei (ix-xogħol jagħmlek ħieles)’.

Iżda l-Papa, kuntrarju għall-Mexxejja tal-Knisja ta’ qablu, ma tkellimx dwar l-avvenimenti terribbli li seħħew f’Auschwitz għexieren ta’ snin ilu u waqt iż-żjara qiegħed xemgħa quddiem il-Ħajt tal-Mewt fejn kienu jsiru l-esekuzzjonijiet tal-priġunieri taħt idejn in-Nażi.

Il-Papa Franġisku anki waqaf biex jgħid talba fiċ-ċella fejn kien jinżamm Massimiliano Kolbe, qassis Kattoliku Pollakk li ssagrifika ħajtu biex isalva l-ħajja ta’ raġel ieħor. Kolbe kien iddikjarat qaddis fl-1982 u l-Kap tal-Kattoliċi, li nhar il-Ħadd jikkonkludi l-vjaġġ fil-Polonja, dam ħafna għar-rkubbtejh fiċ-ċella li tinsab taħt l-art u hi għandha biss tieqa żgħira minfejn jgħaddi d-dawl.

Il-Papa, ilbieraħ, indirizza rally għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ fil-belt ta’ Krakovja fejn ħeġġeġ lill-mijiet tal-eluf tan-nies preżenti biex jintwera ħniena u mogħdrija mal-immigranti. L-istqarrija tal-Papa tmur kontra l-politika tal-Gvern Pollakk tal-lemin li hu kontra l-immigrazzjoni.