Internazzjonali

Il-Papa kompla bl-attivitajiet tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.

Waqt ir-raba’ jum taż-żjara tiegħu fil-Polonja, il-Papa Frangisku attenda numru ta’ ċerimonji reliġjużi.

Dan meta l-Papa qed jieħu sehem fil-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, li hu avveniment ta’ ċelebrazzjoni għall-Kattoliċi żgħażagħ minn madwar id-dinja.

Il-Papa aktar kmieni llum mexxa sessjoni ta’ talb, fejn hemmhekk intlaqa’ b’kant u tixjir ta’ bnadar minn miġemgħa ta’ qassisin u sorijiet.

Hu mar jitlob quddiem il-kappella ta’ Santa Fawstina u aktar tard żar is-Santwarju tal-mibki Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni, illum qaddis, li kien ikkonsagrat fl-2013 f’sobborg ta’ Krakovja. Il-knisja ta’ isfel f’dan is-santwarju qed iżżomm ir-relikwi ta’ Ġwanni Pawlu t-Tieni li jinsab midfun fil-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan.

Waqt li ċċelebra l-quddies fis-Santwarju ddedikat lil Ġwanni Pawlu t-Tieni, il-Papa Franġisku ħeġġeġ lin-nies tal-Knisja biex ma jibżgħux minn sitwazzjonijiet diffiċli u jaqdu aktar il-ħtigijiet ta’ persuni fil-bżonn li jinsabu mal-periferiji tas-soċjetà.

Hu qal li Ġesu irid li l-Knisja tibqa’ entità movimentata u li din tinfirex għal kull rokna tad-dinja. Fl-istess ħin, il-Papa tenna li s-sejħa ta’ Ġesu lid-dixxipli biex jieħdu ħsieb il-ħtiġjiet tad-dinja, huma anki relevanti llum għal-lajċi u persuni oħrajn li huma midħla tal-Knisja u d-duttrina tagħha.