Lokali Parlament

Il-Parlament japprova liġi revoluzzjonarja mressqa mill-Oppożizzjoni biex tissalvagwardja l-wirt komuni

Il-Parlament illejla approva mill-aħħar stadju l-Abbozz ta’ Liġi mressaq mill-Oppożizzjoni li jissalgwardja l-wirt komuni ta’ pajjiżna għall-ġenerazzjonijiet ta’ għada. L-iskop ta’ din il-liġi hu li jkun hemm liġi li tirregola l-klassifikazzjoni tal-proprjetà tal-Gvern.

L-abbozz ta’ liġi ġie ppreżentat lill-Ispeaker tal-Kamra f’April tas-sena l-oħra u tressaq aktar tard għall-Ewwel Qari mix-Shadow Minister tal-Ġustizzja, d-Demokrazija u d-Drittijiet taċ-Ċittadin, Jason Azzopardi.
Illejla, fil-Parlament, ix-Shadow Minister Jason Azzopardi ippropona t-Tielet Qari ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi wara li aktar kmieni din is-sena kien diskuss u approvat ukoll mill-istadju tat-Tieni Qari u wara wkoll mill-istadju ta’ Kumitat.

Skop ieħor ta’ dan l-abbozz hu li l-liġi tiddistingwi bejn proprjetà pubblika u proprjetà fid-demanju pubbliku, bil-għan li jkun hemm liġi li tirregola b’mod ċar il-poteri tal-Gvern fuq dik l-art u d-dmirijiet tal-Gvern fuq l-istess art.

Il-liġi mressqa mill-Oppożizzjoni hija liġi li tapplika għall-futur u bl-ebda mod ma taffetwa d-drittijiet tal-privat. L-abbozz għandu tliet għanijiet – li jkun protett il-wirt naturali għall-ġenerazzjoni tal-lum kif ukoll dawk futuri; li jkun protett il-wirt kulturali tagħna għall-ġenerazzjoni tal-lum kif ukoll dawk futuri; u li jkun protett il-wirt storiku tagħna għall-ġenerazzjoni tal-lum kif ukoll dawk futuri.