Lokali Parlament

Il-Parlament jieqaf fis-16 ta’ Diċembru u jerġa’ jiltaqa’ fil-11 ta’ Jannar

Il-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra qabel dwar l-aġenda tax-xogħol tal-Parlament għal kumplament ta’ dan ix-xahar u għall-bidu tas-sena l-ġdida, bil-Parlament se jkun qed jieqaf nhar l-Erbgħa 16 ta’ Diċembru għall-waqfa tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena, u jerġa’ jibda jiltaqa’ t-Tnejn 11 ta’ Jannar tas-sena l-ġdida.

Sakemm ma jieqaf il-Parlament aktar tard dan ix-xahar, iridu jiġu approvati l-liġijiet kollha marbuta mal-ambjent biex titwaqqaf l-Awtorità dwar l-Ambjent u l-Awtorità separata għall-Ippjanar tal-Iżvilupp minflok il-MEPA.

Is-seduta ta’ għada l-Erbgħa, se tibda kmieni waranofsinhar, fis-2pm, u tibqa’ sejra sa filgħaxija. Fis-seduta ta’ għada se ssir ukoll stqarrija mil-Prim Ministru.

Fl-ewwel ġimgħa li jibda jiltaqa’ l-Parlament fis-sena l-ġdida, se jibda jiġi diskuss l-Abbozz ta’ Liġi dwar is-Servizzi tal-Parlament li jagħti aktar awtonomija lill-Parlament. Aktar tard ix-xahar id-dieħel, issir id-diskussjoni dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-iStandards fil-Ħajja Pubblika.

Fil-bidu ta’ Frar, mistenni li jkunu diskussi żewġ mozzjonijiet imressqa mill-Oppożizzjoni.