Lokali Parlament

Il-Parlament lest japprova l-Ombudsplan

F’seduta tal-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra, kien hemm qbil li ssir ir-rakkomandazzjoni lill-Parlament ħalli japprova l-Ombudsplan għal din is-sena.

Fil-bidu tal-laqgħa, l-Ombudsman Anthony Mifsud tkellem dwar il-ħidma tal-Uffiċċju tiegħu.

Il-Ministru Helena Dalli qalet li r-rapport tal-Ombudsman jitkellem b’mod negattiv dwar il-politika ta’ trasparenza tal-Gvern u jenfasizza l-ftit affarijiet li ma ġewx ippubblikati.

Hi qalet li ttieħdu diversi passi biex il-Gvern iwettaq il-politika ta’ Gvern miftuħ, fosthom id-diskussjonijiet li jsiru mal-partijiet konċernati kif ukoll dwar il-pubblikazzjoni ta’ dokumenti li jkunu diskussi anke qabel isiru abbozzi ta’ liġijiet.

Anthony Mifsud qal li r-rapport jitkellem dwar dak li sar aktar minn sena ilu u l-affarijiet li semmiet il-Ministru Dalli saru fl-aħħar 12-il xahar jiġifieri wara l-perijodu li dwaru jitkellem ir-rapport.

Id-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli qal li jittama li jkun hemm okkażjonijiet oħra li fihom tista’ ssir diskussjoni dwar il-ħidma tal-Uffiċċju tal-Ombudsman u mhux biss meta jiġi ppreżentat l-Ombudsplan.

Clyde Puli qal li ħafna drabi anke l-Membri Parlamentari jsibuha diffiċli biex ikollhom informazzjoni dwar dak li jkun qed isir mill-amministrazzjoni pubbliku, bħalma huma dettalji dwar kuntratti, aħseb u ara kemm ikollu informazzjoni ċ-ċittadin.

Clyde Puli kkundanna wkoll l-attakki li qed isiru fuq diversi entitajiet indipendenti li jagħmlu skrutinju tal-operat tal-Gvern. Sostna li hu mportanti li fil-Kamra jkun hemm għaqda ta’ kundanna fuq qed jagħmel attakki li jagħmlu ħsara lid-demokrazija.

Clyde Puli qal li jesprimi fiduċja u solidarjetà ma’ David Pace, Kummissarju tal-Uffiċċju tal-Ippjanar għall-attakki li qed isiru fil-konfront tiegħu anke permezz ta’ ittri anonimi.

Il-Ministru Carmelo Abela qal li ma jaqbilx li din id-diskussjoni għandha ssir dwar affarijiet li mhumiex relatati mal-Uffiċċju tal-Ombudsman filwaqt li jaqbel li jsiru kummenti dwar allegazzjonijiet li saru fil-konfront tal-Perit David Pace.

Mario de Marco qal li l-Ombudsman preċedenti enfasizza ħafna l-punt tal-informazzjoni. Jekk l-Ombudsman ma jollux aċċess għall-informazzjoni ma jkunx jista’ jwettaq il-ħidma tiegħu kif hu d-dover tiegħu.

Mario de Marco qal li biex l-Uffiċċju tal-Ombudsman ikun jista’ jaħdem kif hu mistenni għandu jkun hemm il-fiduċja ta’ kulħadd. L-Uffiċċju tal-Ombudsman jinkludi wkoll lill-Kummissarji li huma wkoll għandhom igawdu l-fiduċja ta’ kulħadd.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia rrefera għal ittri li rċieva dwar allegazzjonijiet fil-konfront tal-Kummissarju l-Perit David Pace kif ukoll ittri ta’ risposta mill-istess Pace. Dawn l-ittri tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra fil-bidu tas-seduta l-bieraħ stess.

L-Ombudsman qal li f’dan l-istadju m’hi ssir ebda investigazzjonijiet iżda ntalbu spjegazzjonijiet.

Il-Membri kollha tal-kumitat rringrazzjaw l-Ombudsman uxxenti u awguraw l-Ombudsman il-ġdid.