Internazzjonali

Il-Parlament tal-Iran japprova l-ftehim nukleari

Il-Parlament Iranjan approva l-ftehim dwar il-programm nukleari ta’ pajjiżu li l-Iran kien ftiehem, ftit tax-xhur ilu, mas-sitt potenzi tad-dinja.

Il-vot fil-Parlament għadda b’161 deputat favur, kontra 59, u 13-il deputat astjenew. Madankollu, il-Parlament ta’ Teheran insista li l-ispetturi internazzjonali se jkollhom biss aċċess limitat għas-siti militari tal-Iran.

Il-ftehim mal-potenzi li ntlaħaq f’Lulju jawtorizza t-tneħħija tas-sanzjonijiet għall-Iran, li min-naħa tiegħu jeħtieġ irażżan l-attivitajiet nukleari sensittivi. Dan minkejja li l-Iran insista li l-programm nukleari tiegħu kien ippjanat kollu fuq l-istrateġiji paċifiċi.

Il-ftehim bejn l-Iran u l-pajjiżi tal-grupp P5+1 – l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, ir-Russja, Franza, iċ-Ċina u l-Ġermanja – intlaħaq wara negozjati li damu għaddejjin 20 xahar.