Lokali

Il-Partit Laburista issa se jkollu aċċess għal ċertu informazzjoni sensittiva

Iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista - Mill-Arkivji

Wara li kien żvelat li l-Prim Ministru Joseph Muscat iddeċieda li jneħħi l-Visas u l-Permessi ta’ Residenza minn taħt idejn il-Ministru Owen Bonnici u jagħtihom lill-Ministru Chris Cardona, NETnews ilbieraħ żvela li r-raġuni ewlenija wara din id-deċiżjoni kienet biex id-Deputat Mexxej Laburista għall-Affarijiet tal-Partit ikollu aċċess dirett għal informazzjoni sensittiva li toħroġ minn dan id-Dipartiment.

Il-Visas u l-Permessi ta’ Residenza kienu u għadhom fl-aħbarijiet minħabba skandli b’allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni wara l-ħruġ ta’ 7,000 Visa lil persuni Alġerini, kif ukoll il-ħruġ ta’ 14,000 Permess ta’ Residenza lil-Libjani.

L-iskandlu ta’ Visas lill-Alġerini kien wassal biex il-Konslu Malti fl-Alġerija, li jiġi l-kuġin ta’ Joseph Muscat, jinġieb lura Malta. Min-naħa l-oħra, fl-iskandlu tal-Permessi ta’ Residenza lil-Libjani, l-eks Teżorier tal-Partit Laburista Joe Sammut tressaq il-Qorti akkużat b’korruzzjoni.

Issa, jidher li Joseph Muscat irid kontroll aktar dirett ta’ dawn iż-żewġ oqsma, tant li tefagħhom fl-id il-leminija tiegħu fil-Partit Laburista.

Ironikament, Chris Cardona u Owen Bonnici kkontestaw l-elezzjoni għal Deputat Mexxej tal-Partit Laburista wara li Konrad Mizzi kien kostrett jirriżenja, hekk kif inqabad li fetaħ kumpanija sigrieta fil-Panama.