Lokali Parlament

Il-Partit Laburista jibża’ jaqsam il-poter mal-poplu

Marlene Farrjugia terġa’ tivvota kontra l-Gvern u favur emendi mressqa mill-Oppożizzjoni

Id-Deputat Indipendenti Marlene Farrugia ddikjarat fil-Parlament li l-Partit Laburista jibża’ jaqsam il-poter mal-poplu.

Din id-dikjarazzjoni għamlitha llejla meta ressqet emenda simili għal dik tal-Oppożizzjoni biex iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Awtotrità dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp mhux biss ikun jista’ jitneħħa mill-kariga b’riżoluzzjoni tal-Parlament, iżda biex il-persuna nominata mill-Gvern għall-kariga ta’ Chairman Eżekuttiv tal-Awtotrità tersaq għall-approvazzjoni tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.

Marlene Farrugia saħqet li ma tridx tkun f’pożizzjoni ta’ familja li timpjega nanny biex tieħu ħsieb l-għeżież tfal tagħha, u wara tirrealizza li l-għażla kienet ħażina u żbaljata, u tneħħiha wara li tkun għamlet il-ħażin.

Dan hu dak li qiegħed jagħmel il-Gvern biex jieħu ħsieb lil Malta għażiża tagħna, qalet Marlene Farrugia li kompliet tikkritika lill-Partit Laburista li llum qiegħed juri li jibża’ jaqsam il-poter mal-poplu.

Gvern Laburista li qed jivvota kontra t-trasparenza u kontra l-firxa tal-poter
Kompliet tikkritika lill-Gvern Laburista u tisħaq li trid tisma’ spjega mill-Gvern għaliex wiegħed mod u qiegħed jagħmel eżatt bil-kontra u jivvota kontra t-trasparenza u kontra l-firxa tal-poter. Staqsiet x’inhu dal-biża’ tal-Gvern li jbiddel? Saħqet ukoll li m’hemmx għalfejn ebda riforma fil-Kostituzzjoni u l-Gvern Laburista llum għandu jagħmel dak li wiegħed lill-poplu u jiftaħ għal governanza aktar nadifa u trasparenti.

Marlene Farrugia qalet li l-poplu tella’ lill-Partit Laburista fil-Gvern biex ibiddel u mhux biex titħalla l-istatus quo. Saħqet li anke fir-rigward tal-ġudikatura hemm it-talba u appelli biex il-ħatra tal-membri tal-ġudikatura tinbidel u ma tibqax l-istess.
Appellat lill-Gvern ma jitlifx ukoll din l-okkażjoni li jwettaq dak li wiegħed lill-elettorat.

Marlene Farrrugia tappella lill-Partit Laburista
Appellat lill-Partit Laburista jivvota favur l-emendi tagħha u tal-Oppożizzjoni għaliex fissret li ż-żewġ emendi jinsabu fuq l-istess binarju.

Għall-kummenti, l-appelli u r-rimarki li saru mid-Deputat Marlene Farrugia u mill-membri tal-Oppożizzjoni, is-Segretarju Parlamentari qal li m’għandux aktar rimarki finali x’jgħaddi.

Aktar qabel fid-dibattitu li sar dwar l-emendi mressqa, is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon saħaq li l-Gvern mhux se jibdel il-pożizzjoni tiegħu aktar minn dik li ċ-Chairman Eżekuttiv tal-Awtotrità dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp ikun jista’ jitneħħa mill-kariga b’riżoluzzjoni tal-Parlament, b’diversi membri oġra u Ministri tal-Gvern jiddikjaraw li m’hemm ebda ħtieġa li ċ-Chairperson jersaq għas-smiegħ u l-iskrutinju tal-Kumitat Parlamentari.

Fis-seduta tal-lejla, Marlene Farrrugia vvutat kontra emendi u klawsoli mressqa mill-Gvern, u favur l-emenda li ressqet hi u favur emendi mressqa mid-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus. L-Oppożizzjoni vvutat favur l-emenda li ressqet Marlene Farrugia.

L-emendi mressqa kemm mill-Oppożizzjoni kif ukoll mid-Deputat Marlene Farrugia m’għaddewx.