Lokali

Il-Partit Laburista maqsum fi ħdanu stess

Il-Partit Laburista maqsum fi ħdanu stess – din id-darba dwar l-ifriżar tal-embrijuni. Hekk żvelat il-gazzetta MaltaToday, li qalet li l-Prim Ministru Joseph Muscat qed isib il-problemi biex jgħaqqad il-grupp Parlamentari tiegħu.

Skont din il-gazzetta, hemm numru ta’ deputati Laburisti li qed isibuha diffiċli biex jappoġġjaw lil Joseph Muscat fil-proposta tiegħu dwar l-ifriżar tal-embrijuni. Filfatt, tal-inqas għaxar deputati qed ikollom ir-riservi tagħhom waqt il-laqgħat tal-grupp parlamentari Laburista… eżempju ċar fejn il-maġġoranza ta’ disgħa siġġijiet, li jgawdi minnha Joseph Muscat, tiġi mhedda.

L-artiklu jgħid ukoll li minkejja li s-sena l-oħra Muscat wiegħed li se jimplimenta abbozz ta’ liġi dwar l-iffrizar tal-embrijuni fi żmien qasir, issa l-Prim Ministru għadu mhux cert jekk għandux jimplimenta din il-liġi matul din il-leġislatura.

Mistoqsi dwar dan, kelliem għall-Prim Ministru qal li dwar is-suġġett m’hemmx kummenti xi jsiru.

Skont il-Malta Today, sorsi qrib il-Partit Laburista qalu li fil-bidu, il-Grupp Parlamentari kollu ma kienx jaqbel mal-ifriżar tal-embrijuni, iżda ftit kienu dawk li pubblikament ħadu pożizzjoni kontra l-linji gwida tal-Partit Laburista.