Lokali

Il-Partit Laburista qarraq bil-poplu dwar il-proġett tal-Power Station

Konrad Mizzi u l-Partit Laburista gidbu lill-poplu meta ippreżentaw il-pjani tal-Power Station il-ġdida. Dan żvelatu l-gazzetta The Malta Independent on Sunday.

Dokumenti tal-kumpanija Gasol, li sa ftit ilu kienet is-sieħeb ewlieni fil-konsorzju Electrogas li qed jibni l-Power Station, juru li l-ispiża tal-proġett bit-tankijiet tal-ħażna tal-gass fuq l-art kienet titla’ għal qrib il-biljun ewro u kien idum bejn 4 u 5 snin biex jitlesta.

F’konferenza tal-aħbarijiet fit-8 ta’ Jannar 2013, Joseph Muscat u Konrad Mizzi qalu li l-proġett, bit-tankijiet tal-ħażna tal-gass fuq l-art, se jitlesta f’sentejn u l-ispiża tkun €376 miljun ewro.

Il-Figuri li kien ta Konrad Mizzi dakinhar dwar l-ispiża u ż-żmien tat-tlestija, tkompli The Malta Independent, kienu preċiżament il-figuri tal-proġett bit-tanker tal-gass sorġut b’mod permanenti f’Marsaxlokk. Fi kliem ieħor, Konrad Mizzi u Joseph Muscat kienu se jużaw it-tanker mill-bidu nett u qarrqu bil-poplu meta wrewh il-proġett bit-tankijiet tal-gass u ħbew il-proposta tat-tanker sorġut b’mod permanenti f’nofs Marsaxlokk mill-elettorat.

Sadanittant, jidher li l-proġett ewlieni li bih il-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni li għaddiet se jaqbeż deadline ieħor. Fil-fatt, il-gazzetta Sunday Times of Malta, tirrapporta li l-Power Station mhux se tibda taħdem f’Ġunju kif kien imwiegħed mill-Ministru Konrad Mizzi.

F’Diċembru tal-2014, meta kien jidher ċar għal kulħadd li l-wegħda elettorali li l-Power Station taħdem f’Marzu tas-sena li għaddiet mhux se tinżamm, Konrad Mizzi qal fil-Parlament qal li l-elettriku mill-Power Station il-ġdida tal-gass, se jasal fid-djar tal-Maltin f’Ġunju tal-2016.

Sorsi qrib il-proġett qalu li anki dan id-deadline mhux se jintlaħaq għaliex ix-xogħol f’Singapore fuq it-tanker li se jkun sorġut f’Marsaxlokk waqa’ lura minħabba li għandu fuqu kwantita’ kbira ta’ asbestos li trid titneħħa