Lokali

Il-Partit Nazzjonalista b’konsultazzjoni dwar il-proposti tal-budget

Aktar kmieni llum, il-Partit Nazzjonalista organizza laqgħa ta’ konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali membri fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, li matulha ġew diskussi l-proposti tal-budget. Din il-laqgħa saret hekk kif fil-jiem li ġejjin, għat-tieni sena konsekuttiva, l-Partit Nazzjonalista se jkun qed iniedi pre-budget document bi proposti ċari li permezz tagħhom, il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin ikunu jistgħu jirnexxu lkoll flimkien.

Il-preżentazzjoni tal-ħsieb ekonomiku u soċjali li qed jibbaża l-proposti tiegħu fuqu l-Partit Nazzjonalista, saret mill-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament u Shadow Minister tal-Finanzi Mario de Marco. Hu qal li l-proċess li wassal għat-tfassil tal-proposti li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista beda minn analiżi tas-sitwazzjoni ekonomika kemm fuq livell lokali kif ukoll fuq livell internazzjonali.

Mario de Marco ta ħarsa lejn l-isfidi li għandha l-ekonomija ta’ pajjiżna bħalissa, kif ukoll l-isfidi li se jkollha fis-snin li ġejjin, fosthom il-fatt li fl-aħħar snin, pajjiżna ma ħoloq ebda settur ekonomiku ġdid; ir-riskju tar-reputazzjoni ta’ Malta li qed jikber kemm ilu l-Partit Laburista fil-poter; is-sistema tal-pensjonijiet; kif ukoll il-fatt li s-settur tal-manifattura f’pajjiżna qed titlef il-kompetittività. Sfidi oħra li qed jiffaċċja pajjiżna huma l-Air Malta u l-infrastruttura ta’ Malta li mhix adekwata għall-popolazzjoni ta’ pajjiżna.

Il-proposti li se jkun qed jippreżenta l-Partit Nazzjonalista fil-jiem li ġejjin huma mqassma f’ħames setturi: l-iżvilupp ekonomiku, l-infieq pubbliku, il-ġustizzja soċjali, l-infrastruttura u l-ambjent, u s-saħħa u l-edukazzjoni. Dawn il-proposti se jkunu qed jikkumplimentaw il-proposti li diġà għamel il-Partit Nazzjonalista fid-dokumenti: ‘Żvilupp Sostenibbli u Dinjità għal Kulħadd’, ‘Ekonomija għan-Nies’, ‘Nibnu Fiduċja Ġdida fil-Politika’, u ‘Reducing Traffic Congestion – Short-term measures’.

Għal din il-laqgħa, attendew ukoll ix-Shadow Minister tal-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli, x-Shadow Minister tas-Saħħa Claudette Buttigieg, il-Kelliem tal-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, l-Anzjani u l-Persuni b’Diżabilità Robert Cutajar u l-Kelliem tan-Negozji ż-Żgħar, l-Manifattura, l-Kummerċ, is-Self Employed  u l-Koperattivi Robert Arrigo.