Ambjent Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti għal soluzzjoni ta’ sens komun fl-interess il-poplu Malti u Għawdxi

Fid-dawl tal-kwistjoni li nqalgħet fl-aħħar jiem dwar l-aċċess għall-kosta ta’ Manoel Island, il-Partit Nazzjonalista qal li qed jinsisti li tinstab soluzzjoni mill-aktar fis possibli, u li tkun waħda ta’ sens komun fl-interess mhux biss tal-Gżirjani iżda tal-poplu Malti u Għawdxi kollu. Din il-kwistjoni tista’ tiġi riżolta biss jekk Joseph Muscat, fil-kariga tiegħu ta’ Prim Ministru jpoġġi madwar mejda flimkien mal-konsorzju li qed jimpedixxi dan l-aċċess, u jassigura li l-interess tal-poplu Malti u Għawdxi jiġi mħares.

Il-Partit Nazzjonalista sostna li r-residenti tal-Gżira għandhom kull raġun li jinsistu li jkollhom aċċess għall-kosta ta’ Manoel Island. Fil-fatt, is-sena li għaddiet, il-Partit Nazzjonalista ressaq il-liġi tad-Demanju Pubbliku fil-Parlament, li għandha tiggarantixxi li l-poplu Malti u Għawdxi jkollu aċċess għall-kosta tal-pajjiż.

Filwaqt li Muscat m’għandu ebda kredenzjali ambjentali – kif jixhdu d-deċiżjonijiet tiegħu li jeqred iż-Żonqor u li joħroġ il-permessi għall-bini ta’ ħames skyscrapers f’ġurnata waħda – ma jfissirx li l-poplu Malti u Għawdxi ma jistenniex li l-Prim Ministru jgħid jew jagħmel xi ħaġa f’din il-kwistjoni. Flok moħħu fl-affarijiet li huma ta’ interess għan-nies, Muscat moħħu biex jiddefendi lill-klikka ż-żgħira li ħakmet Kastilja mill-iskandli ta’ korruzzjoni li jinsabu fihom, kompla jgħid il-Partit Nazzjonalista.

Il-Partit Nazzjonalista żied li l-Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista qed jinsistu li filwaqt li l-Kunsill Lokali tal-Gżira jagħmel dak kollu possibbli legalment biex jassigura li l-kosta terġa’ tingħata lir-residenti, l-poter biex tissolva din il-kwistjoni jinsab f’idejn il-Prim Ministru. Flok ikompli juża s-Sindku tal-Gżira f’atti li ma jwasslu mkien, Muscat għandu jagħmel dak li għandu jagħmel mingħajr aktar telf ta’ ħin.

Il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li se jibqa’ jkun il-vuċi tan-nies, f’dan il-każ tar-residenti tal-Gżira, biex jassigura li jirbaħ il-ġid komuni.