Internazzjonali

Il-Partit Soċjalista Spanjol fi kriżi

Il-Kap tal-Partit Soċjalista Spanjol fl-Oppożizzjoni, Pedro Sanchez, tilef l-appoġġ tal-partit tiegħu wara li rriżenjawlu 17-il membru ewlenin ta’ din l-entità politika.
Fil-fatt, ir-rappreżentanti tal-Partit Soċjalista qed jittamaw li, ’il quddiem, ikunu jistgħu jwarrbu lil Sanchez wara li hu naqas milli jifforma Gvern ta’ koalizzjoni.
Deputat Soċjalista qal li t-tmexxija tal-partit, issa, teħtieġ ixxolji ‘u, imbagħad, tgħaddi għal sistema ta’ amministrazzjoni proviżorja’.
Spanja ilha fi staġnar politiku għal dawn l-aħħar disa’ xhur.
Ir-riżultati tal-elezzjoni ġenerali tal-20 ta’ Diċembru, fi Spanja, ħalliet Parlament ‘wieqaf’ fejn l-ebda partit politiku jew grupp ta’ partiti alleati ma kisbu maġġoranza assoluta ta’ siġġijiet fil-leġiżlatura.
Il-Partit Popolari (PP) li kiseb il-maġġoranza tal-voti kellu jiffaċċja l-isfida li jifforma Gvern ta’ koalizzjoni, iżda l-Kap Soċjalista, Sanchez, spiċċa jostakola kull tentattiv.