Lokali

Il-PBS ħati li ħeba mit-telespettaturi x’qal Alfred Sant dwar l-iskandlu tal-Panama

Konferma ta’ kemm l-aġenda tal-PBS hija mmexxija direttament minn Kastilja

F’deċiżjoni li ngħatat dalgħodu, l-Awtorità tax-Xandir sabet li l-Kamra tal-Aħbarijiet tax-Xandir tal-Istat, immexxija minn Reno Bugeja, kellha xxandar il-kummenti li għadda l-eks Prim Ministru u eks Mexxej Laburista Alfred Sant meta qal li kieku kien hu fil-pożizzjoni ta’ Konrad Mizzi, kien jirriżenja. Dan wara li Mizzi nqabad li fetaħ kumpanija sigrieta fil-Panama biex jitfa fiha s-senserija.

L-Awtorità tax-Xandir qalet li l-PBS naqas meta ma xandarx il-kummenti ta’ Sant, filwaqt li rrimarkat ukoll li d-difiża tal-PBS li dak li qal Alfred Sant kien fuq Facebook u mhux fi stqarrija uffiċjali, ma kinitx raġuni valida għax il-PBS kemm-il darba ma żammx ma din il-prassi.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li hu ċar li l-Awtorità tax-Xandir ma emmnitx l-argumentazzjoni tal-PBS f’dan il-każ. Dan il-każ hu eżempju ċar ta’ kif l-aġenda tax-Xandir tal-Istat tiġi deċiża minn Kastilja, b’każ bħal dan li jirrifletti l-‘gatekeeping’ tal-PBS, li jagħżel x’aħbarijiet ixandar skont l-interessi ta’ Joseph Muscat.

Sadanittant, f’żewġ sentenzi oħra, l-Awtorità tax-Xandir ma laqgħetx protest tal-Partit Nazzjonalista dwar rappurtaġġ tal-aħbarijiet tal-PBS dwar il-każ ta’ Toni Bezzina, kif ukoll dwar l-ispots ta’ propoganda tal-Gvern fuq l-Istazzjon tal-Istat bit-tema “Gvern li Jisma'”.

Għall-Partit Nazzjonalista dehru l-Avukati Matthew Paris u Francis Zammit Dimech, kif ukoll id-Direttur Informazzjoni Matthew Bonett.