Lokali

Il-PN bi proposti għal tisħiħ tal-liġijiet favur l-annimali

Il-PN se jiddiskuti u se jressaq emendi għal-liġi dwar il-ħarsien tal-annimali biex jippreżenta bidliet li jirriflettu s-sitwazzjoni preżenti u li jdaħħlu miżuri ġodda biex titwaqqaf il-moħqrija tal-anninali.

Dan tħabbar dalgħodu mill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil meta kien qed jindirizza konferenza li l-PN qed jorganizza biex jisma lill-għaqdiet tal-annimali jressqu l-proposti tagħhom. Fil-fatt fil-konferenza l-PN qed jisma dawn il-proposti biex jinkludiehom fil-politika tiegħu dwar dan is-settur.

Il-Konferenza kienet indirizzata wkoll mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Ħarsien tal-Annimali Mario Galea li tkellem dwar l-importanza li d-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali jiffunzjona b’mod aktar effettiv u effiċjenti għaliex dan mhux jaqdi d-dmrijiet tiegħu bl-aħjar mod. Kelliem oħra fil-konferenza kienu x-Shadow Minister għall-Ambjent Marthese Portelli u l-President tal-Forum Opportunitajiet Indaqs PN (FOIPN) Graziella Schembri Attard Previ u l-kandidat tal-PN għall-elezzjoni ġenerali Evelyn Vella Brincat.

Il-Kap tal-PN qal li s-sitwazzjoni tal-annimali f’Malta teħtieġ azzjoni. Dan mhux suġġett li dwaru għandu jkun hemm diviżjoni politika u għalhekk l-Oppożizzjoni lesta tappoġġja, kif diġà għamlet, l-inizjattivi li jkunu qed jitressqu. Simon Busuttil sostna li l-awtoritajiet huma obbligati li jilleġiżlaw biex jassiguraw li l-annimali jkollhom id-drittijiet tagħhom salvagwardati u huma ikollhom l-affarijiet bażiċi tagħhom garantiti. Jeħtieġ bidla fil-liġijiet, sostna Simon Busuttil, li kompla li aspett li l-Oppożizzjoni se tkun qed tinkludi fl-emendi hemm dik dwar l-importanza li ssir illegali li l-klieb jinżammu marbuta l-ħin kollu. Din l-emenda se tkun inkluża fil-proposti li se jressaq il-PN biex l-annimali ma jitħallewx maqfula b’mod permanenti.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Ħarsien tal-Annimali Mario Galea tkellem dwar il-mod kif qed jitmexxa d-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali għamel krititka qawwija għad-diversi nuqqasijiet li qed jitwettqu. Hu qal li l-Oppożizzjoni kienet appoġġjat l-emendi li kien ressaq il-Gvern dwar pieni ħorox għal min jaħqar l-annimali iżda fir-realtà dawn ma twettqux. Inutli jkollok il-liġi jekk din ma titwettaqx, sostna Mario Galea, li kompla li d-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali hu passiv quddiem il-moħqrija u wasal f’sitwazzjoni ma jsegwix każi l jkunu rapportati lilu. Mario Galea qal li diversi għaqdiet tal-annimali qed jirrapportawlu li d-Dipartiment qed joqtol ukoll annimali għaxejn b’mod illegali u abbużiv. Id-Deputat Nazzjonalista kkritika l-mod kif inqatlu madwar 500 għasfur li kinu ddaħħlu Malta b’mod illegali għaliex dawn tħallew fil-borż fil-perjodu tal-investigazzjoni tal-pulizija.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni sostna li jeħtieġ li fil-Korp tal-Pulizija jkun hemm Taqsima li tinvestiga każi ta’ moħqrija fuq l-annimlai. Hu qal din tista’ tkun l-ALE iżda jeħtieġ isiru riformi urġenti.

Tkellmet ukoll ix-Shadow Minister għall-Ambjent Marthese Portelli li semmiet kif l-annimali, minbarra li huma kumpanija għan-nies, huma wkoll mezz ta’ terapija fis-soċjetà, u dan jagħmel aktar meħtieġ biex id-drittijiet tal-annimali jkunu mħarsa kif suppost.

Hi ħeġġet għal reviżjoni tal-qafas regolatorju biex ikun protett kwalunkwe annimal, biex ikun hemm infurzar aħjar b’aktar riżorsi umani u finanzjarji u jkun hemm rieda politika. Hi staqsiet jekk wasalx iż-żmien jekk ċerti servizzi u infurzar jgħaddux lill-għaqdiet volontarji minflok jibqa’ jagħmilhom il-gvern. Dan biex l-għaqdiet ikollhom aktar dħul finanzjarju biex imexxu l-ħidma tagħhom.

Marthese Portelli qalet li għandhom ikunu sfruttati l-fondi tal-UE kemm mill-għaqdiet kif ukoll minn dawk li l-annimali għalihom huma mezz ta’ terapija.

Il-President tal-Forum Opportunitajiet Indaqs tal-PN (FOIPN) Graziella Schembri Attard Previ qalet li l-iskop ta’ din il-konferenza hu li l-PN jisma mingħand l-għaqdiet volontarji dwar ir-riformi li jeħtieġ isiru fis-settur tal-ħarsien tal-annimali. Il-PN diġà għandu diversi proposti fosthom li jriud riformi fid-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali, li jiżdiedu l-ambulanzi, li s-servizz ta’ ġbir ta’ annimali mejta jkun estiż 24 siegħa kuljum, li jsiru iktar lezzjonijiet fl-iskejjel, li jkun hemm żieda fil-pieni għal min jabbuża mill-annimali, li jsir ċimiterju f’Malta u Għawdex għall-annimali, li ssir liċenzja għal min jitma l-annimali, li f’kull lokalita jun hemm postijiet ta’ kenn għall-annimali li jgħixu fit-toro , li jsir programm ta’ tiswija tal-annimali u li jkun possibbli li l-anzjani jżommu l-annimlai fid-djar għall-anzjani.