Lokali

Il-PN iressaq Abbozz ta’ Liġi li tipproponi bidla radikali fil-ħatriet tal-Ġudikatura

Il-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni llum waranofsinhar ressaq Private Member’s Bill, li tipproponi bidla radikali fil-ħatriet tal-Ġudikatura. Dan l-Abbozz ta’ Liġi ġie ppreżentat wara l-ksur tal-Kostituzzjoni mill-Gvern Laburista fil-ħatriet taż-żewġ Maġistrati fil-jiem li għaddew, li wassal għal kundanna qawwija mhux biss minn minn jaħdem fil-qasam legali, iżda wkoll minn diversi esponenti f’oqsma differenti tas-soċjetà Maltija.

Permezz ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi, il-Partit Nazzjonalista qed jenfażizza li l-ħatriet tal-membri tal-Ġudikatura għandhom isiru b’għażla aktar ġusta u trasparenti, filwaqt li jiġi assigurat ukoll li mhux biss issir ġustizzja, iżda l-ġustizzja tidher li qed issir.

PN Proposal

F’konferenza tal-aħbarijiet wara li l-Abbozz ta’ Liġi ġie ppreżentat fil-Parlament, il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament u Shadow Minister għall-Finanzi Mario de Marco qal li l-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni ħass li quddiem il-ksur tal-Kostituzzjoni mill-Ministru Owen Bonnici u mill-Kabinett ta’ Joseph Muscat, jippreżenta Abbozz ta’ Liġi li jispeċifika b’mod ċar kif għandhom jinħatru l-membri tal-Ġudikatura.

Min-naħa tiegħu, ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Jason Azzopardi spjega fid-dettall l-Abbozz ta’ Liġi, bl-isem “Att sabiex jemenda l-Kostituzzjoni ta’ Malta u li jwaqqaf b’Liġi l-Awtorità dwar l-għażla għas-Servizzi Ġudizzjarji”. Fost l-affarijiet innovattivi li wieħed isib fl-Abbozz ta’ Liġi, hemm il-fatt li ma jkun hemm l-ebda involviment tal-politiku, li jinħatru membri tal-Ġudikatura b’aktar esperjenza u li l-poplu jkollu serħan il-moħħ li mhux tinkiser il-Kostituzzjoni.

Jason Azzopardi sostna li l-Abbozz ta’ Liġi sar wara konsultazzjoni wiesgħa ma’ diversi persuni u entitajiet, kif ukoll wara li l-Partit Nazzjonalista studja fid-dettall il-proposti tal-Kamra tal-Avukati u tal-Kummissjoni Bonello. Hu rringrazzja lill-membri kollha tal-Kummissjoni, jiġifieri lill-eks Imħallef tal-Qorti Ewropea Giovanni Bonello, lid-Dekan tal-Fakultà tal-Liġi fl-Università ta’ Malta Kevin Aquilina, lill-Avukat Ramona Frendo u lill-eks Imħallef Philip Sciberras.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius, li qal li dan il-Private Member’s Bill hu eżempju ċar mhux biss ta’ Oppożizzjoni b’saħħitha u effettiva, iżda wkoll ta’ Gvern alternattiv. Fakkar li dan mhux l-ewwel Private Members’ Bill li ppreżentat l-Oppożizzjoni f’din il-leġiżlatura, iżda fi tliet snin, din l-Oppożizzjoni kienet l-aktar waħda proattiva b’numru rekord ta’ mozzjonijiet u Private Members’ Bill li tressqu f’anqas minn tliet snin.