Ekonomija Lokali

Il-PN irid li s-settur privat ikompli jisseddaq fil-futur

Il-Partit Nazzjonalista minn dejjem ta importanza lis-settur privat u l-investimenti li dan is-settur jitlob, fost oħrajn minn kumpaniji tal-igaming. Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jara li setturi bħal dawn ikomplu jissedqu fis-snin li ġejjin.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt żjara li għamel fl-uffiċċji tal-kumpanija Tipico f’San Ġiljan. Hu sab il-ħin jiltaqa’ mal-impjegati tal-kumpanija waqt il-ħidma tagħhom u anke għal ftit ħin f’ambjent informali li l-impjegati jużaw biex jieħdu xi pawsa waqt ħidmithom.

Mal-ħaddiema u t-tmexxija tal-kumpanija, Simon Busuttil irrikonoxxa l-importanza li kumpaniji bħal Tipico jinvestu ħalli jaġġornaw maż-żminijiet tal-lum. Hu kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Servizzi Finanzjarji, l-IT u l-Gaming Kristy Debono, kif ukoll mill-Kandidati għall-elezzjoni ġenerali li ġejja Karl Gouder, George Muscat u Charlene Camilleri Zarb.