Lokali

Il-PN jappella lill-Gvern: Tibqax timmina l-istituzzjonijiet indipendenti

Minkejja li għaddiet ġimgħa minn meta ġie żvelat li qed jingħataw voti lil individwi li jkunu xtraw iċ-Ċittadinanza Maltija bi ksur tal-Kostituzzjoni, il-Prim Ministru Joseph Muscat għadu qed jaħrab milli jwieġeb dwar dan l-aħħar skandlu tal-Gvern. Is-silenzju ta’ Muscat ifisser li għandna Prim Ministru li mhux lest jara li l-Kostituzzjoni u l-Liġi jiġu rispettati f’pajjiżna. Din hi prova oħra ta’ kemm f’pajjiżna bħalissa hawn kollass totali tal-awtorità.

Dan qalu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit u Shadow Minister għall-Intern Beppe Fenech Adami waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Kummissjoni Elettorali, ġimgħa wara li ġie żvelat kif numru sostanzjali ta’ individwi barranin li xtraw iċ- Ċittadinanza Maltija, ingħataw il-vot u tpoġġew fir-Reġistru Elettorali minkejja li, mill-applikazzjoni stess, jirriżulta li dawn ma għexux sitt shur f’Malta fl-aħħar sena u nofs kif mitlub mil-Liġi. Dan sar bi ksur tal-Kostituzzjoni.

Beppe Fenech Adami qal li dan l-iskandlu rrabja lil ħafna nies għax issa hu ċar li għax il-Gvern Laburista hu mifni bil-korruzzjoni u qed jitlef il-voti, lest jagħti vot lil min mhux intitolat ħalli jagħmel tajjeb għall-voti li qed jitlef. Dan hu aġir illegali li jhedded id-demokrazija f’pajjiżna.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista kompla li l-każ hu aktar gravi meta wieħed iqis li qed iseħħ taħt għajnejn il-Kummissjoni Elettorali, li hi mwaqqfa bil-Kostituzzjoni u li suppost topera b’mod indipendenti. Madankollu, jidher ċar li l-Kummissjoni Elettorali wkoll inħatfet mill-Gvern Laburista u mhix qed titħalla topera b’mod indipendenti. Kieku kienet tassew indipendenti, ma kinitx tħalli dan il-ksur sfaċċat tal-Kostituzzjoni jibqa’ għaddej qisu xejn mhu xejn.

Beppe Fenech Adami kompla li filwaqt li kellha tkun il-Kummissjoni Elettorali li tara li l-Kostituzzjoni tiġi rispettata. Minflok, qed tkun il-Kummissjoni stess li tippermetti li ksur tal-Kostituzzjoni jitħalla jseħħ. Sostna li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ attent u viġilanti minflok ma jħalli lill-Partit Laburista jbagħbas is-sistema elettorali b’dan il-mod.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur tal-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Nazzjonalista (ELCOM) Matthew Mangion sostna li fil-jiem li ġejjin, mistennija jibdew proċeduri fil-Qrati Maltin biex dawn il-persuni jitneħħew mir-Reġistru Elettorali u b’hekk issir ġustizzja. Qal li mir-riċerka li qed issir mill-ELCOM, jirriżulta li l-persuni li nbdew il-proċeduri legali kontrihom fil-Qrati mhumiex l-uniċi li ngħatalhom il-vot bi ksur tal-Liġi, iżda jista’ jkun hemm individwi oħrajn li jinsabu f’nofs dan l-iskandlu.

Matthew Mangion qal ukoll li hemm problema serja b’Identity Malta, li hi entità diġà mgeżwra sa rasha fi skandli ta’ korruzzjoni u li hi responsabbli minn parti essenzjali tal- proċess elettorali, jiġifieri l-ħruġ ta’ Karti tal-Identità. Hu tenna li l-Partit Nazzjonalista m’għandux u ma jistax ikollu fiduċja f’Identity Malta wara l-istejjer ta’ skandli li ħarġu minnha.

Mangion qal ukoll li l-Uffiċċju Elettorali għandu jgħid b’mod immedjat x’passi ħa minn meta ġie żvelat dan l-iskandlu u jekk saritx xi tip ta’ investigazzjoni biex jiġi stabbilit kif ħarġu dawn il-voti kontra l-Liġi, min ħariġhom u bl-awtorizzazzjoni ta’ min. Qal li hu ta’ tħassib serju dak li ġie żvelat minn The Malta Independent, fejn jirriżulta li kien hemm voti ta’ individwi li ħarġu minkejja li impjegati tal-Uffiċċju Elettorali ġibdu l-attenzjoni li dan ma setax isir għax imur kontra l-Liġi.