Lokali

Il-PN jinsisti li l-investiment fl-Air Malta għandu jkun lokali

Il-Partit Nazzjonalista u l-Assoċjazzjoni tal-Lukandiera u r-Ristoranti (MHRA) jaqblu dwar l-importanza li jkun hemm investiment lokali fil-proċess ta’ privatizzazzjoni tal-Air Malta.

Din il-pożizzjoni kienet espressa f’laqgħa bejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil u l-Uffiċjali tal-MHRA. Simon Busuttil kien akkumpnajat mix-Shadow Minister għall-Ekonomija Claudio Grech u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu Antoine Borg.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Partit dejjem ta importanza massima lis-settur tat-turiżmu, filwaqt li spjega kif bħalissa qed iħejji t-tieni Pre-Budget Document.

Dwar l-Air Malta, Simon Busuttil sostna li l-Partit Nazzjonalista hu mħasseb dwar is-sitwazzjoni preżenti għax ma jistax ikun li l-proċess ta’ privatizzazzjoni ma jkollux ir-riżultati meħtieġa. Qal li l-proposta tal-Partit Nazzjonalista hi li jkun hemm investiment lokali fl-Air Malta.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Ezekuttiv tal-MHRA Andrew Agius Muscat tkellem dwar il-proposti li qed tressaq l-Assoċjazzjoni għall-Budget, fejn qal li dawn huma mibnija fuq l-importanza tal-prodott turistiku Malti, il-kampanji ta’ reklamar u l-akkomodazzjoni.

Dwar l-Air Malta, Andrew Agius Muscat qal li l-MHRA taqbel li tkun ikkunsidrata l-proposta li jsir investiment lokali fil-linja nazzjonali tal-ajru.

Spjega li għall-Assoċjazzjoni, il-prodott turistiku Malti għandu jkun imsaħħaħ permezz ta’ aktar ‘private public partnerships’, filwaqt li l-eko-kontribuzzjoni għandha twassal għal inizjattivi favur is-settur.