Lokali

Il-PN jipproponi riformi qabel isiru iktar ħatriet ta’ iktar ġudikanti

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Simon Busuttil jappella lill-Gvern biex sakemm isiru r-riformi dwar il-bidliet fil-ħatriet tal-Ġudikatura, il-Gvern ma jaħtarx iktar ġudikanti.

Din il-pożizzjoni kienet espressa mill-Kap tal-PN Simon Busuttil f’laqgħa li kellu mal-Kamra tal-Avukati fil-Qorti. Il-Kap tal-PN kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Ġustizzja Jason Azzopardi. Il-Kamra tal-Avukat kienet rappreżentata mill-President l-Avukat George Hyzler u l-uffiċjali.

Simon Busuttil qal li din il-laqgħa qed issir wara li l-ħatra tal-ġudikanti saret kontroversja fil-pajjiż. Dan wara n-nomina kontroversjali ta’ żewġ avukati fil-kariga ta’ Maġistrati; liema ħatriet kienu kkunsidrati bħala li jmorru konta l-Kostituzzjoni.

Il-Kap tal-PN espriema qbil mal-pożizzjoni espressa mill-Kamra tal-Avukati u qal li din kienet pożizzjoni espressa f’waqtha. Bla dubju li l-pożizzjoni tal-Kamra tal-Avukati dwar din il-kontroversja kellha effett tremend fuq il-kwistjoni.

Simon Busuttil tkellem dwar il-Private Members’ Bill li l-Oppożizzjoni ressqet aktar kmieni fejn għamlet diversi proposti dwar il-mod kif siru l-ħatriet tal-ġudikanti. Hu sostna li dwn il-proposti huma bidla radikali fil-mod kif isiru dawn il-ħatriet u sostna li l-bażi tal-proposti li ressaq il-PN huma bbażati fuq il-proposti li ressqu l-Kamra tal-Avukati u l-proposti tal-Kummissjoni Bonello.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni appella lill-Ministru tal-Ġustizzja biex jibda’ diskussjoni immedjata dwar dawn il-proposti għaliex dawn huma proposti li hemm kunsens dwarhom.

L-Avukat George Hyzler qal li dan id-dibattitu dwar ir-riformi meħtieġa fil-ħatriet tal-ġudikanti qajjem dibattitu fil-pajjiż u kompla li l-Kamra tal-Avukati għamlet proposti pożittivi. Huwa sostna li l-Oppożizzjoni kienet proattiva meta ipproponiet dawn il-proposti.