Lokali

Il-PN jrid ikun il-vuċi tar-raġuni – Simon Busuttil jgħid dan meta kien qed jindirizza folla kbira waqt attivita’ politika fi Pjazza Rotunda l-Mosta

Il-PN irid ikun il-vuċi tar-raġuni, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal dan meta kien qed jindirizza folla kbira waqt attivita’ politika fi Pjazza Rotunda l-Mosta, bit-tema ‘Għall-korruzzjoni jħallas il-ħaddiem’ quddiem folla kbira ta’ Maltin li rrispondew bi ħġarhom quddiem il-korruzzjoni tal-Gvern li qed taffettwa ħażin lill-ħaddiem.

Simon Busuttil qal li d-deċiżjoni li ħa din il-ġimgħa Joseph Muscat kienet ħażina u żbaljata u din se tkun qed timmarka l-karriera politika tiegħu, l-istess kif id-deċiżjoni li jiffriża n-negozjati ta’ Malta mal-Unjoni Ewropea mmarkat il-karriera politika tal-predeċessur tiegħu Alfred Sant.

Hu rrefera għall-mass meeting tal-Partit Laburista li se jsir aktar tard illum, u sostna li l-folla li se tkun hemm se tkun qed ixxejjer lil Joseph Muscat, pero’, kif qal l-editorjal ta’ The Sunday Times tal-lum, dak li qed jiġri jfakkarna fil-ħrafa tal-imperatur bla ħwejjeġ. Hu sostna li Joseph Muscat qiegħed jgħix gidba, filwaqt li sostna li huwa aktar faċli li tidħaq bin-nies milli li tikkonvinċi lin-nies li xi ħadd daħaq bihom.

Simon Busuttil qal li hu nfurmat li nhar it-Tnejn li għadda, Joseph Muscat sejjaħ lid-Deputat Laburisti wieħed wieħed u talabhom parir ta’ x’għandu jagħmel. Hu qal li d-Deputati qalulu li għandu jneħħi lil Konrad Mizzi, iżda Joseph Muscat iddeċieda ħażin u żamm lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi.

Dwar Keith Schembri, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru żammu fejn kien qisu ma ġara xejn, qisu ma fetaħ ebda kumpanija sigrieta fil-Panama. Minn naħa l-oħra, lil Konrad Mizzi tah promozzjoni għal Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru responsabbli mill-Ministri kollha.

Simon Busuttil qal li mhux veru li ma sar xejn illegali, għaliex mill-inqas, dawn it-trusts kellhom jiġu ddikjarati mal-Kummissarju tat-Taxxi ta’ Malta, xi ħaġa li ma saritx. “Meta inti tiftaħ kumpanija sigrieta fil-Panama u tgħid li se tużaha għas-senserija, toħloq suspetti ta’ korruzzjoni u ta’ ħasil ta’ flus,” qal Simon Busuttil.

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jaħdem għall-poplu Malti u Għawdxi kollu

“Jekk mhux tajjeb biex ikun Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, għaliex tajjeb biex ikun Ministru?” staqsa Simon Busuttil, filwaqt li qal li Joseph Muscat irredikola l-Partit Laburista li spiċċa maħtuf minn Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi. Simon Busuttil qal li dawn it-tliet persuni rrendu l-Partit Laburista għal partit bla ruħ. Hu wassal messaġġ lill-Laburisti ġenwini u qal li l-Partit Nazzjonalista qiegħed hawn għan nazzjon kollu, għall-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Simon Busuttil qal li dak li ġara din il-ġimgħa kienet farsa u li tinsulta l-intelliġenza tan-nies. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Joseph Muscat, bid-deċiżjoni tiegħu, qed jgħid ‘jien niġi naqa u nqum minn dak li jaħseb il-poplu Malti u Għawdxi’. “Joseph Muscat falla mit-test għax flok għamel dak li hu fl-interess nazzjonali, għamel dak li hu fl-interess personali,” qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Joseph Muscat huwa kompliċi magħhom jew għax hu mdaħħal magħhom, jew inkella għaliex qiegħed jgħattilhom. “Joseph Muscat għatta r-reat ta’ ħaddieħor u għalhekk Joseph Muscat għandu jerfa’ r-responsabbiltà għal dak li għamlu Keith Schembri u Konrad Mizzi,” qal Simon Busuttil.

Il-Partit Nazzjonalista jwiegħed ġustizzja ma’ kull min qed jiġi diskriminat

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ngħaqad f’solidarjetà ma’ dawk il-ħaddiema, li minħabba t-twemmin politiku tagħhom, qed issirilhom vendikazzjoni, b’mod partikolari dawk li jaħdmu maċ-ċivil. Dawn il-ħaddiema qed jiġu ddiskriminati kuljum minħabba li huma ta’ twemmin politiku Nazzjonalista. Simon Busuttil esprima s-solidarjetà tiegħu magħhom, filwaqt li rrefera għal laqgħat li kellu ma’ wħud minn dawn il-ħaddiema fil-jiem li għaddew. Simon Busuttil irrefera wkoll għal ħaddiema Laburisti li wkoll qed jiġu ddiskriminati għaliex mhumiex parti mill-klikka.

Hawnhekk, Simon Busuttil sostna li hu se jiproteġi d-dinjità ta’ kull ħaddiem u għalhekk, f’isem il-Partit Nazzjonalista, wiegħed ġustizzja ma’ kull vittma, kif ukoll ġustizzja ta’ ħaqq ma’ kull min qiegħed iwettaq il-vendikazzjonijiet.

Simon Busuttil sellem lix-xufier personali tiegħu Toni Tabone li matul l-aħħar ħames xhur, hu u l-familja tiegħu għaddew minn martirju, biex jattakkaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Hu qal li matul dawn l-aħħar ħames xhur, il-Pulizija sabu r-riżorsi biex jinvestigaw l-allegazzjonijiet bla bażi kontra x-xufier tiegħu, iżda ma sabux ir-riżorsi biex jinvestigaw lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi. Hu sellem ukoll lil Thomas Woods, li fl-aħħar jiem ġie lliberat minn kull akkuża kontrieh.

Is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea kienet eżempju tal-error of judgment ta’ Joseph Muscat

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li l-ewwel missjoni tiegħu fil-ħajja pubblika kienet li jistinka biex pajjiżna jissieħeb fl-Unjoni Ewropea. Hu qal li dik il-missjoni wettaqha b’imħabba u lealtà lejn il-pajjiż. Hu fakkar li fuq in-naħa l-oħra kien hemm xi ħadd ieħor, Joseph Muscat, li kien qed jaħdem biex ma nissieħbux fl-Unjoni Ewropea.

Hu sostna li llum-il ġurnata għadna qed ngħixu l-iżball fil-ġudizzju ta’ Joseph Muscat. Hu qal li Joseph Muscat ma jafx jappreza x’inhi d-deċiżjoni t-tajba u x’inhi d-deċiżjoni l-ħażina. Fost l-oħrajn, id-deċiżjoni ta’ din il-ġimgħa kienet eżempju ċar tad-deċiżjonijiet il-ħżiena ta’ Joseph Muscat.

Il-Partit Nazzjonalista qed joffri tama lill-poplu Malti u Għawdxi

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hemm rabja kbira fost in-nies għaliex iħossuhom diżappuntati u traduti b’dak li qegħdin jaraw, li tliet snin biss ilu, huma fdaw lil Joseph Muscat u issa tradihom b’dan il-mod. “Jiena m’għandix dubju li ħafna nies qegħdin jirrealizzaw li Joseph Muscat tradihom u ma jixraqlux aktar il-fiduċja tagħhom,” qal Simon Busuttil. Hu sostna li n-nies huma rrabjati għall-ħsara kbira li qed issir lil pajjiżna f’setturi differenti, l-aktar fis-settur servizzi finanzjarji.

Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista qed joffri tama li l-affarijiet jistgħu jsiru b’mod differenti u li jkun hemm xi ħadd li jnaddaf il-ħmieġ li waqqgħu lil pajjiżna fih. “Jiena qiegħed hawn biex noffri t-tama lill-poplu Malti u Għawdxi bl-istess enerġija u entużjażmu li offrejt fis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea,” qal Simon Busuttil.

attivita mosta

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Hidma fil-Partit, Beppe Fenech Adami, meta tkellem waqt l-attivita’ politika fil-Mosta, qal li llum, f’gheluq it-12-il sena mis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, jirringrazzja lil Simon Busuttil,  li dak iż-żmien, taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Eddie Fenech Adami, mexxa kampanja mal-erbat irjieħ tad-dinja li post Malta kien fl-Unjoni Ewropea. Dakinhar, sostna Beppe Fenech Adami,  Joseph Muscat ipprova jaħdem kontra dan, imma l-Poplu tah risposta. Hu qal li anke llum, il-poplu qed jifhem it-tradiment ta’ Joseph Muscat. Partit li tela’ bl-għajta tal-ħaddiem, imma llum kulħadd qed jinduna li qed jaħdem għal ta’ madwaru, waqt li nesa’ lill-ħaddiema. Nesa’ fost l-oħrajn lill-Pulizija li Joseph Muscat waqqgħu għar-ridikolu, b’ kummissarju wara l-ieħor, biex fost il-poplu ġab żebliegħ u nuqqas ta’ rispett lejn il-korp. Il-Partit Nazzjonalista se jkun differenti, u jaħdem biex mill-ġdid isaħħaħ il-korp. L-istess fil-Forzi Armati ta’ Malta, fejn is-suldati qed isofru minn inġustizzji fuq bażi regolari għax mhux tal-qalba. Imma l-Partit Nazzjonalista se jiżgura li magħhom issir ġustizzja wara li ġew imwarrba, u maqbuża fi promotions li kien ħaqqhom. L-istess ħaddiema tal-Enemalta, li huma speċjalizzati imma spiċċaw jagħmlu dak li mhux xogħolhom, dawk tal-Air Malta, li jinsabu f’inċertezza minħabba l-futur tal-linja nazzjonali tal-ajru u lill-ħaddiema taċ-ċivil, li jiġu mwarrba għax mhux tal-qalba ta’ Joseph Muscat. Irrefera wkoll għas-settur finanzjarju, fejn eluf ta’ ħaddiema għandhom xogħolhom f’riskju għaliex Joseph Muscat qed jiddefendi min jabbuża dan is-settur bil-konsegwenza li issa pajjiżna intefa’ f’dawl ikrah.

Min ma jiġġilidx il-korruzzjoni, ma jistħoqqlux ikun mexxej tal-pajjiż. Saħansitra mar f’pajjiż korrott, l-Ażerbajġan, biex jagħmel deals li spiċċaw telfuna eluf kbar fi flus. Beppe Fenech Adami appella lil-Laburisti ġenwini, li l-Gvern warrabhom biex jaqdi lil-Laburisti tal-qalba ta’ Joseph Muscat. Liż-żgħażagħ li se jivvutaw għall-ewwel darba stedinhom biex ikunu huma li jmexxu lill-partit, biex bl-ideat tagħhom imexxu ‘l quddiem il-furur tagħhom stess. Pajjiżna hu pajjiżkom, qal Beppe Fenech Adami, fl-isfond ta’ Gvern li ħataf taht idejh dan il-pajjiż.

attivita mosta

Kristy Debono, Kelliema tal-Partit Nazzjonalista għas-Servizzi Finanzjarji qalet li pajjiżna iktar minn qatt qabel jeħtieġ politika onesta’ minn politiċi onesti biex jitkattar il-ġid u dan jitqassam b’mod ġust. Għandna sitwazzjoni li l-ħaddiem sejjer għall-agħar, meta suppost għandu jkun il-kontra.

Kristy Debono fakkret li pajjiżna għandu sitwazzjoni ta’ ħaddiema li jaqilgħuha u jikluha, familji li l-paga tagħhom mhix isservihom, waqt li tal-qalba jkomplu jistagħnew. F’dan il-jum, dedikat lill-ħaddiem, hi ndirizzat lil dawk il-ħaddiema li qed jgħaddu minn diskriminazzjoni, b’mod speċjali diskriminazzjoni politika bħalma għaddha minnha Toni Tabone, ix-xufier tal-Kap tal-PN, li dwaru nfetħet inkjesta maġisterjali fuq użu ta’ fuel. Għall-kuntrarju ma nfetħet l-ebda investigazzjoni fuq min inqabad jaħbi flus fil-Panama.

Minflok, il-Prim Ministru baqa’ jiddefendi lil Konrad Mizzi u Keith Schembri, ghamel reshuffle farsa, biex issa jidher li għandna tliet Prim Ministri minflok wieħed. Joseph Muscat biddel l-ikbar rebħa elettorali fl-ikbar tradiment ta’ dan il-poplu. Kristy Debono qalet li l-Partit Nazzjonalista hu t-tarka tan-nies u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil hu difensur tagħkom. Il-Partit Nazzjonalista jrid jaħdem biex joffri futur lill-ħaddiema, lill-familji u liż-żgħażagħ u tfal ta’ pajjiżna.