Lokali Parlament

Filmat: Il-PN qed jibqa’ jagħmel dak li jistenna minnu l-poplu – Simon Busuttil

Il-Partit Nazzjonalista qed jibqa’ jagħmel dak li jistenna minnu l-poplu. Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil meta lbieraħ filgħaxija tkellem fil-Parlament waqt id-dibattitu dwar il-Vot ta’ Sfiduċja fil-Ministru Konrad Mizzi.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil elenka r-raġunijiet għaliex il-Parlament għandu jivvota favur il-Mozzjoni ta’ Sfiduċja fil-Ministru Konrad Mizzi, fosthom il-mod kif fetaħ kumpaniji sigrieti fil-Panama u ħbieha fi New Zealand; li hemm elementi qawwija ta’ korruzzjoni; il-fatt li Konrad Mizzi gideb; li Konrad Mizzi kiser il-Liġi; u anke li għaffeġ biex martu Sai Mizzi tieħu nofs miljun ewro ta’ xejn, kif ukoll l-ineffiċjenzi ta’ Konrad Mizzi fis-settur tal-enerġija.

Fid-diskors tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni appella lill-Prim Ministru biex jagħmel dmiru għax is-sitwazzjoni tal-Ministru Konrad Mizzi hi inaċċettabbli, f’sitwazzjoni fejn hemm elementi ta’ korruzzjoni. Qal li l-korrispondenza bejn il-Konsulent Finanzjarju ta’ Konrad Mizzi u Mossack Fonesca tikxef il-pjan.

Il-Kap tal-Oppozizzjoni sostna li l-Gvern Laburista ta’ Jospeh Muscat hu l-uniku Gvern fl-Ewropa li ma ħax azzjoni dwar l-iskandlu tal-Panama, fejn mhux biss ma neħħiex lill-Ministru Konrad Mizzi u lil Keith Schembri, iżda ta promozzjoni lil Mizzi u ħalla lil Keith Schembri madwaru f’Kastilja.