Lokali Parlament

Il-PN u Marlene Farrugia jitolbu biex il-mozzjoni biex jiġi kundannat u sospiż Joe Debono Grech tiġi diskussa llejla

Il-Kap tal-Oppożizzjoni talab biex ir-ruling li ta l-Ispeaker jinbidel biex jiġi kkundannat l-aġir ta’ Joe Debono Grech u jiġi sospiż għall-kliem li qal “Niġi ħdejk u nifqgħek”

Il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista u d-Deputat indipendenti Marlene Farrugia, talbu llum biex il-mozzjoni li ressaq il-Kap tal-Oppożizzjoni dwar ir-ruling li ta l-Ispeaker dwar l-inċidenti li seħħew nhar il-Ġimgħa fil-Parlament bejn id-Deputat Laburista Joe Debono Grech u d-Deputat Marlene Farrugia, tiġi diskussa fis-seduta parlamentari tal-lejla li tibda fis-6pm.

Fi tmiem tas-seduta ta’ dalgħodu, il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius, talab lid-Deputat Speaker Ċensu Galea li kien qiegħed jippresiedi l-Kamra, jekk hemmx żviluppi min-naħa tal-Gvern biex il-mozzjoni li ressaq il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil dalgħodu stess, tiġi diskussa llejla.

Marlene Farrugia rrimarkat ukoll li hi wkoll talbet bil-miktub lill-Kap tal-Kamra, lid-Deputat Prim Ministru Louis Grech, biex din il-mozzjoni tiġi diskussa llum fl-okkażjoni tal-Jum Kontra l-Vjolenza Domestika.

Fil-mozzjoni, il-Kap tal-Oppożizzjoni qiegħed jitlob biex ir-ruling li ta l-Ispeaker nhar it-Tnejn filgħaxija jinbidel biex jiġi kkundannat l-aġir tad-Deputat Laburista Joe Debono Grech, u li dan ukoll ikun sospiż mill-Kamra skont l-Ordnijiet Permanenti wara li qal kliem offensiv gravi, u li aġixxa b’mod aggressiv u ntimidatorju fil-konfront tad-Deputat Marlene Farrugia.

Għar-ruling tal-Ispeaker, l-Oppożizzjoni kienet ħarġet ‘il barra mill-Kamra bi protesta wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni ddikjara li r-ruling tal-Ispeaker Anġlu Farrugia poġġa fl-istess keffa lid-Deputat Laburista Joe Debono Grech (li hedded), u lid-Deputat Marlenen Farrugia (li kienet mhedda), u li għall-Oppożizzjoni dan mhux aċċettabbli.

Fl-inċident li seħħ fit-tmiem is-seduta ta’ nhar il-Ġimgħa li għaddiet, id-Deputat Laburista Joe Debono Grech qal il-kliem “Niġi ħdejk u nifqgħek” fil-konfront tad-Deputat indipendenti Marlene Farrugia, bl-Ispeaker fir-ruling tiegħu jordna liż-żewġ deputati jirtiraw il-kliem li ntqal fil-konfront ta’ xulxin.

Il-Whip tal-Grupp Laburista, Godfrey Farrugia qal li segwa l-korrispondenza li saret dwar din it-talba biex il-mozzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni tiġi diskussa llejla, u li għadu qiegħed jistenna risposta mill-Gvern.