Lokali

“Il-politiku ma jistax jargumenta bil-mod kif għamel Joseph Muscat” – Pierre Portelli

Il-prezz internazzjonali taż-żejt raħas sew u dan wassal biex il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel, f’diversi pajjiżi Ewropej, raħas biex jirrifletti l-prezzijiet internazzjonali taż-żejt. Iżda dan ma kienx il-każ f’Malta, bil-Prim Ministru Joseph Muscat qed jargumenta li bir-roħs fil-prezzijiet tal-fuels, in-nies jużaw aktar il-karozza tagħhom.

Waqt il-programm Iswed fuq l-Abjad, fuq NET Television, id-Direttur Maniġerjali ta’ The Malta Independent Pierre Portelli qal li l-politiku ma jistax jargumenta bil-mod kif għamel il-Prim Ministru Joseph Muscat.

Punt ieħor li tqajjem waqt il-programm kien dak dwar il-wegħda li kien għamel il-Partit Laburista qabel l-elezzjoni ġenerali, dik li jibni Power Station ġdida li taħdem bil-gass. Dwar dan, l-opinjonista Simon Mercieca qal li n-nies ġew imqarrqa.

Suġġett ieħor diskuss kien id-Dokument ta’ Qabel il-Baġit li ressqet l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, kif ukoll il-Mozzjoni wkoll imressqa mill-Oppożizzjoni fil-Parlament bl-iskop li l-Gvern jagħti prijorità għas-soluzzjoni tal-immaniġġjar tat-traffiku.

Dwar il-kriżi tat-traffiku f’pajjiżna, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil għamel diversi proposti biex tittaffa l-problema tat-traffiku. Fost dawn il-proposti, Simon Busuttil ippropona li l-Gvern iħallas ukoll għat-trasprot tat-tfal tal-Iskejjel Privati u tal-Knisja.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien għamel dawn il-proposti meta l-Oppożizzjoni kienet ippreżentat ir-reazzjoni tagħha għall-Baġit 2015.

Segwu siltiet mill-interventi ta’ Pierre Portelli u Simon Mercieca waqt il-programm Iswed fuq l-Abjad f’dan il-filmat.