Internazzjonali

Il-poplu jfakkar il-vittmi tat-terrur ta’ Pariġi

epa05044089 French President Francois Hollande arrives to lead a ceremony to pay a national homage to the victims of the Paris attacks at Les Invalides monument in Pari, France, 27 November 2015. EPA/PHILIPPE WOJAZER / POOL MAXPPP OUT

Il-President Franċiż Francois Hollande mexxa s-servizz ta’ tifkira nazzjonali għall-130 persuna li spiċċaw immassakrati fit-13 ta’ Novembru waqt l-attakki terroristiċi mill-ISIS fil-qalba ta’ Pariġi.
Madwar 1,000 persuna kienu preżenti għas-servizz fiċ-ċentru ta’ Pariġi, fejn spikkat il-preżenza tal-qraba tal-vittmi kif ukoll ta’ persuni li kienu fil-postijiet milqutin mit-terrur u li salvaw.
L-ismijiet tal-maqtula nqraw kollha waqt iċ-ċerimonja, u n-nies osservaw minuta silenzju b’rispett lejn il-vittmi.
B’referenza għall-ISIS, il-President Hollande għamel diskors li fih sostna li Franza se tagħmel kulma tista’ biex teqred lil dik l-armata ta’ fanatiċi. Hu wiegħed li l-pajjiż mhu se jżomm lura minn xejn biex jipproteġi lil uliedu u li s-soċjetà se tirreaġixxi billi torganizza aktar avvenimenti mużikali, kunċerti u avvenimenti sportivi.
Madankollu, mhux il-qraba kollha tal-vittmi aċċettaw l-istedina biex jattendu għas-servizz fil-kumpless ta’ Les Invalides, li jinkorpora mużew militari u l-qabar ta’ Napuljun.
Il-familja ta’ wieħed mill-vittmi qalet lill-istampa Franċiża li rrifjutat li tmur għas-servizz għaliex, skont hi, l-awtoritajiet fi Franza ma għamlux biżżejjed biex jipproteġu lill-poplu wara l-attakki terroristiċi preċedenti li laqtu lil Franza fil-bidu tas-sena.
Sadattant il-prosekuturi fil-Belġju qalu li kienu ressqu akkużi kontra s-sitt persuna b’rabta għall-attakki li kien hemm f’Pariġi.